Lokali

Therese Comodini Cachia mhux se tikkontesta għat-tmexxija tal-PN

“Filwaqt li jiena għadni konvinta li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn it-talenti ta’ kulħadd biex din l-opportunità li ġibna tkun waħda li verament isservi l-interessi tal-Pajjiż u tal-Partit, jien m’iniex se nkun qiegħda nikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit.”

Hekk sostniet id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia wara li isimha kien wieħed minn dawk li bdew jissemmew għall-elezzjoni biex jiġi elett Kap tal-PN.

F’messaġġ fuq il-media soċjali hija qalet li se tibqa’ impenjata fil-Partit sabiex tara li l-Partit Nazzjonalista ikun tim wieħed, tim magħqud, tim kredibbli u tim serju. Din id-deċiżjoni qed tagħmilha għax kull azzjoni li ħadet fil-politika għamlitha fl-interess tal-Partit u ta’ Malta.

“Il-proċess li bdejna flimkien biex naslu għal bidla fil-PN għadu għaddej. Dan huwa proċess li jiena kont fuq quddiem tiegħu għaliex nemmen li Malta jixirqilha Partit Nazzjonalista kredibbli, serju, sod u magħqud.”

“Hekk kif kont katalista biex nara li l-Partit Nazzjonalista jkollu l-opportunità li jibda paġna ġdida biex jirriġenera lilu nnifsu b’tali mod li jerġa jibda jispira u jakkwista r-rispett tan-nies, jien se nibqa’ impenjata u nibqa’ nagħmel ħilti kollha sabiex il-Partit Nazzjonalista jista’ verament isir gvern alternattiv. Biex nagħmlu hekk, jeħtieġ bidla fit-tmexxija u bidla fil-mod kif nagħmlu l-politika tagħna. Dan jista’ jwassalna sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun verament gvern alternattiv b’politika fl-interess tal-ġid komuni.”