Lokali

Adrian Delia jgħid li se jieħu lill-PN għand in-nies; Mark Anthony Sammut jgħid li wara dan il-proċess il-PN irid joħroġ aktar b’saħtu

Jien wegħdt li se nieħu lill-Partit Nazzjonalista għand in-nies: hekk qed nagħmel u hekk se nibqa’ nagħmel b’konvinzjoni u b’determinazzjoni … jiġri x’jiġri fil-Konvenzjoni Ġenerali li ġejja.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien mistieden fil-programm Xtra Sajf fuq ix-Xandir tal-Istat. Matul il-programm kienet diskussa s-sitwazzjoni attwali fil-Partit Nazzjonalista u l-isfidi li l-Partit għandu quddiemu.

Fil-fatt, mistoqsi dwar is-sondaġġi, Adrian Delia qal li dawn qed juru li l-poplu jrid Partit Nazzjonalista aktar frisk. Hu għalhekk, li hu qed iwiegħed Partit Nazzjonalista mġedded u li kapaċi joffri alternattiva serja, filwaqt li jservi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Adrian Delia qal li l-poplu jrid jgħix ħajja aħjar, b’partiti politiċi li jistgħu jtuhom pajjiż aħjar. Madankollu, innota kif il-Partit qed jaħli ħafna minn ħinu u r-riżorsi tiegħu fuq il-kwistjonijiet interni minflok ma jikkonċentra fuq il-bżonnijiet veri li għandu l-pajjiż.

Spjega li ried imur għall-vot tat-Tesserati għax jirrispetta lil min tah il-mandat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk, għandhom ikunu t-Tesserati stess li jiddeċiedu l-futur tal-Partit.

Sadanittant, fil-programm ipparteċipa wkoll Mark Anthony Sammut, li fost l-oħrajn, fl-aħħar snin serva bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Hu qal li hu importanti li fi tmiem dan il-proċess, il-Partit Nazzjonalista joħroġ aktar magħqud u b’saħħtu, filwaqt li jirriġenera ruħu u juri li lest jimxi ‘l quddiem, b’viżjoni ta’ Gvern alternattiv.

Bħala żagħżugħ ta’ 34 sena – b’20 sena minnhom jimmilita f’xi struttura jew oħra tal-Partit – Mark Anthony Sammut qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibda jara li ż-żgħażagħ isibu posthom fih u jħossuhom komdi jagħmlu dan.

Tenna li jemmen bis-sħiħ li l-Partit għandu bżonn lil kulħadd u t-talenti ta’ kulħadd … u għalhekk, ħadd ma jista’ jinkines ‘il barra. Dan aktar u aktar meta hemm settur ta’ nies li vvutaw lill-Partit Laburista, iżda llum qed jitilfu l-fiduċja fil-Partit ta’ Robert Abela.

Mark Anthony Sammut temm bl-appell li l-Partit Nazzjonalista jkompli jħares ‘il quddiem u jara li l-ġerħa politika li għandu bħalissa tfittex tingħalaq b’deċiżjonijiet għaqlin li hemm bżonn jittieħdu, kif ukoll bi proċess biex jilħaq aktar nies u jġib lura lil dawk li m’għadhomx konvinti mill-politika tal-Partit.