Internazzjonali

Ajruplan tal-Air India Express jiżgiċċa mill-mitjar…Jitilfu ħajjithom il-pilota u talanqas żewġ passiġġieri

Ajruplan tal-Air India Express — b’aktar minn 180 passiġġiera abbord — żgiċċa mill-mitjar fl-ajruport ta’ Karipur f’Kozhikode (f’Kerala), bir-riżultat li tilfu ħajjithom il-pilota u talanqas tnejn fost il-passiġġieri. L-inċident seħħ mal-ħin tal-inżul fost indikazzjonijiet li l-ajruplan — tat-tip Boeing 737 –baqa’ ħiereġ direttament miz-zona indikata għall-inżul.

L-aħħar rapporti qalu li mal-40 persuna ndarbu fl-inċident, b’dawn jittieħdu lejn l-eqreb sptarijiet fl-inħawi. Marru fuq il-post għexieren ta’ ambulanzi u vetturi għall-kontroll tan-nirien, bit-tfittxija tkompli għal madwar 100 persuna.

Id-Direttorat Ġenerali tal-Avvjazzjoni Ċivili — l-ogħla awtorità tal-avvjazzjoni fl-Indja — ordna biex issir inkjesta dettaljata dwar l-inċident.