Internazzjonali

COVID-19: Konferma ta’ ‘il fuq minn miljun każ fl-Afrika

L-infezzjonijiet bil-coronavirus (Covid-19) fil-kontinent tal-Afrika issa qabżu l-miljun – u biż-żieda fil-każi, minn jum għall-ieħor, qed titqies bħala żvilupp sinifikanti u allarmanti fiċ-ċirkustanzi.

Sadanittant, ix-xejriet – u l-firxa – tal-virus jinvolvu wkoll element ta’ misteru, bil-veru impatt tal-pandemija f’dan il-kontinent għadu mhux magħruf.

Dan meta ‘il fuq min-nofs-miljun każ tal-Covid-19 huma diġà konfermati fl-Afrika t’Isfel biss.

L-awtoritajiet f’dan il-pajjiż għandhom sistemi ‘kredibbli’ għall-ġbir tad-data li hi relatata mal-infezzjoni u – meta mqabbla ma’ bnadi oħra tal-kontinent Afrikan – qegħdin jieħdu ħsieb ta’ kampanja kbira biex jittestjaw lin-nies għall-potenzjal ta’ infezzjoni.

Għall-kuntrarju, hemm it-tħassib dwar nuqqas ta’ data relevanti għall-firxa tal-Covid-19 minn diversi pajjiżi Afrikani – b’mod partikulari t-Tanżanija.

L-osservaturi, fil-fatt, ma jemmnux li hemm ‘biss’ nofs-miljun każi oħra tal-Covid-19 ‘il hinn mill-Afrika t’Isfel u fil-limiti tal-kontinent Afrikan.

L-esperti jaqblu li, skont il-proċeduri tat-testijiet attwali, hu ċert li l-każi fil-kontinent qabżu l-miljun u li dawn qegħdin jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel.

Madankollu, it-tobba qajjmu wkoll il-punt li l-isptarijiet ta’ ħafna Stati Afrikani mhumiex ‘mgħarrqin’ jew ibatu taħt piż enormi tal-każi suspettati tal-Covid-19.

Is-sitwazzjoni tiftaħ għal ħafna spjegazzjonijiet loġiċi – meta hu possibbli li ħafna nies li qed iġorru s-sintomi qegħdin jibżgħu li jżuru l-klinika fejn ikunu eżaminati.

Hemm ukoll il-fattur li ħafna pajjiżi Afrikani ħadu ħsieb li jimplimentaw il-lockdowns mill-aktar fis..

Peress li għad hemm ħafna li mhux magħruf dwar il-Covid-19, mhux eskluż li xi popolazzjonijiet jistgħu qed igawdu livell ta’ protezzjoni ‘addizzjonali’ kontra l-coronavirus.

Dan jista’ ikun għaliex l-immunità ta’ ħafna Afrikani kapaċi hi ‘reinfurzata’ diġà mir-reżistenza preċedenti tal-ġisem kontra l-effetti tal-malarja, il-kolera u mard ieħor tipiku għal dan il-kontinent.