- Illum mistennija żieda ta’ iktar mid-doppju fil-każi ġodda ta’ Coronavirus
Ebda żblokk f’diskussjoni li damet kważi tmien sigħat hekk kif il-Gvern qed jibqa’ jirreżisti s-sejħa tal-unions u numru ta’ korpi kostitwiti biex jitwaqqfu l-avvenimenti tal-massa.
Il-laqgħa saret fl-isfond ta’ żieda qawwija fil-każi ta’ Covid-19 fl-aħħar ġimgħatejn u li fil-parti l-kbira tagħhom infirxu minħabba avvenimenti fejn kien hemm grupp kbar ta’ nies.
Fi stqarrija, filwaqt li kkonfermat li ma ntlaħaqx qbil u li d-direttivi li nħarġu lill-membri tagħha għadhom fis-seħħ, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li hu illoġiku u assurd li tippermetti li jsiru attivitajiet tal-massa.
Waqt li kienet għaddejja l-laqgħa tal-MCESD, il-MAM kienet mgħarrfa li n-numru ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 f’Malta iktar milli rduppjaw (+150%). Barraminhekk, fl-aħħar sigħat, iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard fl-Istati Uniti (CDC) għadu kemm ħareġ twissija lil ċittadini Amerikani biex ma jsiefrux lejn Malta minħabba “riskju għoli” li jiġu infettati bil-virus.
L-istqarrija tkompli li filwaqt li l-Gvern irrikonoxxa li l-avveniment tal-massa kienu problematiċi, xorta waħda ma riedx li dawn jitwaqqfu. Minflok, ippropona li l-avvenimenti tal-massa ikunu limitati għal 300 persuna. Proposta oħra kienet li jkun hemm limitazzjoni ta’ 60 persuna fuq ġewwa u 100 persuna fuq barra. Il-President tal-MAM, it-Tabib Martin Balzan qal li dawn huma proposti “assurdi u perikolużi”.
Il-MAM tibqa’ ssostni li s-saħħa tal-membri tagħha u tal-poplu Malti hi iktar importanti mill-gwadann ta’ malajr minn ċertu avvenimenti li fl-aħħar mill-aħħar, huma parti żgħira mill-ekonomija Maltija.
L-istqarrija ttemm li filwaqt li tirrikonoxxi l-isforzi li qed isiru biex ikun hemm iktar infurzar, il-MAM tikkundanna l-aġir tal-Prim Ministru li bl-iskuża tat-tiġijiet, irid iħalli li jsiru avvenimenti kummerċjali tal-massa f’nofs pandemija.
//= $special ?>