Internazzjonali

Franza: Iċedi wara drama tal-ostaġġi f’Le Havre

Raġel li uża arma tan-nar biex jhedded numru ta’ nies li spiċċaw bħala ostaġġi tiegħu fil-belt ta’ Le Havre ċeda lill-pulizija wara sigħat ta’ drama – bl-ostaġġi jinħelsu kollha qawwijin u sħaħ.

L-inċident – matul il-lejl tal-Ħamis — seħħ ġo bank fil-belt tal-port ta’ Le Havre u wassal għal tensjoni kbira, għalkemm wara, is-sorsi infurmati indikaw li dan ma kienx xi każ b’intenzjoni terroristika.

Ir-raġel armat, li għandu 34 sena, kien daħal fil-bank u fejn fil-pront spiċċa jhedded lin-nies f’sitwazzjoni li kompliet tiggrava – tant li marret fuq il-post skwadra elit tal-pulizija li tieħu ħsieb dawn it-tipi ta’ emerġenza.

Intant, il-konfront bejn ir-raġel armat u l-pulizija, maż-żmien, spiċċa bil-kwiet u fejn ma weġġa ħadd – bil-Ministru tal-Intern Franċiż,  Gerald Moussa Darmanin, jikkonferma ‘il-ħelsien tal-ostaġġi kollha’.

Sart magħruf ukoll li l-aggressur għandu storja twila ta’ problemi psikjatriċi u li kien hemm drabi oħra fejn hu ħabat difrejħ mal-pulizija minħabba pussess ta’ armi tan-nar kif ukoll dwar ‘attentati għall-ħtif ta’ persuni’.