Sport Waterpolo

Gowl kontroversjali lejn it-tmiem jagħti l-ewwel telfa lil Sliema

(Ritratt: Sliema Aquatic Sports Club)

Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT…………… 8

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 9

(1-2), (1-1), (4-3), (2-3)

Ħafna forsi ħasbu li konfront importanti mingħajr spettaturi kien se jnaqqas il-livell tal-logħba. Iżda fil-verità, l-antagoniżmu taż-żewġ timijiet flimkien mal-ftit individwi li tħallew jidħlu, għamlu l-logħba missielta, bl-argumenti ma jonqsux.

Kien gowl fl-aħħar minuta ta’ Matthew Zammit li ddeċieda l-konfront, b’Sliema jipprotestaw bil-qawwa. Mertu għar-rebħa Ġiljaniża għandu l-gowlkiper Jake Tanti li fl-aħħar sessjoni kważi salva dak kollu li ġie għal idejh.

Bidu tajjeb għal San Ġiljan li kisbu vantaġġ meritat ta’ 2-0 permezz ta’ penalty ta’ Andreas Galea u Mattias Ortoleva. Jerome  Gabarretta naqqas id-distakk iżda fit-tieni sessjoni Dino Zammit għamel l-iskor 3-1.

Gowl importanti kien dak ta’ Liam Galea eżatt qabel tmiem it-tieni sessjoni, liema gowl ta ħajja ġdida lil Sliema. It-tim ta’ Sergio Afric għamel sforz żejjed biex għolla l-livell tal-prestazzjoni.

Benji Cachia ġab id-draw fil-bidu tat-tielet sessjoni, bil-vantaġġ jinbidel aktar minn darba sakemm Marco Mannino għamilhom 6-6. Lejn nofs is-sessjoni, daqqa ta’ ħarta għal San Ġiljan hekk kif tkeċċa Dino Zammit talli tawwal ilsienu mar-referee Taljan Stefano Pinato.

Gowl mill-isbaħ ta’ Jerome Gabarretta fil-bidu tal-aħħar sessjoni reġa’ poġġa lil Sliema minn fuq. Madankollu żewġ gowls fi ftit ħin ta’ Ben Plumpton u Andreas Galea fissru vantaġġ ta’ 8-7 għal San Ġiljan.

Jacob Sciberras ġab id-draw minn angolu ristrett sakemm wasal il-gowl deċiżiv. Minn kontro-fawl, Jake Bonavia qabad il-ballun u qassam lura lejn Matthew Zammit li kompla l-ballun għal ġewwa. Is-Slimiżi pprotestaw bl-aħrax li Zammit kien fiż-żewġ metri meta rċieva l-ballun, bir-referees jiġġudikaw li l-gowl kien validu.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea (1), J. Sciberras (2), M. Meli (1), B. Cachia (1), M. Spiteri Staines, J. Cutajar, J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli, A. Teuma, C. Cutajar, E. Schembri

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea, D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit, B. Plumpton, J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit, G. Vassallo, M. Ortoleva, K. Magri

Referees: Massimo Angileri, Stefano Pinato

TA’ XBIEX AMIGOS………………. 5

MARSAXLOKK BROWN’S……. 8

(2-2), (0-2), (0-2), (3-2)

Din ir-rebħa kienet importanti għal Marsaxlokk Brown’s Pharma mhux minħabba s-sitwazzjoni tagħhom fi Grupp A. Qabel din il-logħba kien diġà deċiż li x-Xlukkajri se jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni u għalhekk din ir-rebħa f’konfront dirett tfisser li Marsaxlokk se jkomplu l-kampjonat b’sitt punti minħabba r-rebħa l-oħra kontra Marsaskala.

Protagonist assolut kien Matteo Martellacci li skorja ħames gowls. Hu kien poġġa lix-Xlukkajri 2-1 minn fuq għalkemm Jacob Saliba ġab id-draw.

Martellacci u Agius daħħlu lit-tim ta’ Joe Cremona 4-2 minn fuq, b’Martellacci jiskorja doppjetta oħra għal 6-2 fi tmiem it-tielet sessjoni. Matteo Cacici għalaq il-logħba fil-bidu tal-aħħar sessjoni, biż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex baqgħu jilagħbu u rnexxielhom tal-anqas inaqqsu d-distakk.

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, M. Mifsud, R. Greco, D. Rizzo, F. Cutajar, M. Demarco, M. Carani (2), N. Saliba, K. Borg, G. Sammut (1), N. Schiavone (1), S. Azzopardi, M. Farrugia, J. Saliba (1), A. Mifsud

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, M. Martellacci (5), M. Pace, T. Agius (1), L. Saliba (1), J. Galea, K. Cremona, S. Micallef, R. Scerri, M. Cacici (1), O. Zammit, F. Buhagiar, J. Portelli

Referees: Stefan Licari, Giuliana Nicolosi