Internazzjonali

Hong Kong: Akkużati b’li fakkru l-massakru ta’ Tiananmen

Talanqas 24 persuna f’Hong Kong qed ikunu akkużati b’li parteċipaw f’vejla taħt id-dawl tax-xemgħa li fakkret l-anniversarju tal-azzjonijiet qattiela tal-militar taċ-Ċina fuq id-dimostranti favur id-demokrazija fi Pjazza Tiananmen ta’ Beijing….L-anniversarju jfakkar fuq kollox il-massakri ta’ mijiet ta’ nies mill-Armata u li kienu seħħew fil-kapitali Ċiniża fl-4 ta’ Ġunju tal-1989.

Joshua Wong, wieħed mill-aktar attivisti magħrufa favur id-demokrazija, kien fost il-persuni akkużati f’Hong Kong u meta hu mixli dwar ‘sehem f’laqgħa li ma kenitx awtorizzata’.

It-territorju ta’ Hong Kong kien l-uniku zona taħt is-sovranità taċ-Ċina fejn, tul l-aħħar snin, kienet permessa t-tifkira tal-anniversarju ta’ Tiananmen. Madankollu l-avveniment kien ipprojbit din is-sena, bl-awtoritajiet ta’ Hong Kong jirreferu għall-biża u tħassib relatati għall-coronavirus.

F’Hong Kong daħlet fis-seħħ liġi kontroversjali dwar is-sigurà nazzjonali fejn il-protesti kontra ċ-Ċina huma trattati daqslikieku reati kriminali — fost l-inkwiet li l-libertajiet ta’ Hong Kong jinsabu taħt theddida serja mir-reġim komunista ta’ Beijing.