Lokali Saħħa

Il-poplu Malti jixraqlu serħan il-moħħ fejn tidħol saħħtu – il-PN

Bħall-bqija tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota ż-żieda qawwija fin-numru ta’ każijiet pożittivi għall-COVID 19 minn mindu ġew rilaxxati f’qasir żmien numru ta’ miżuri kontra l-pariri tal-esperti tas-saħħa pubblika.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Mario Deguara, il-Partit Nazzjonalista qal li jirrikonoxxi li biż-żieda ta’ każijiet attivi ta’ COVID-19 li kontinwament qed jiżdiedu, il-pajjiż se jaffaċċja sfidi ġodda fil-qasam tas-saħħa. Dawn jinkludu swab testing li jsir fi żmien raġjonevoli sabiex min irriżulta pożittiv għall-COVID-19 ikun jista’ jiġi diagnosed u sistema ta’ contact tracing effettiva.

L-isptarijiet se jaffaċċjaw sfida permezz ta’ żieda ta’ pazjenti bil- COVID-19 u b’kumpikazzjonijiet relatati. Apparti minn hekk, se naffaċċjaw nuqqas ta’ healthcare workers li jistgħu jkunu esposti waqt l-qadi ta’ dmirijiethom. Dawn huma frontliners importanti fil-qasam tas-saħħa, u n-nuqqas ta’ dawn il-ħaddiema se jsarraf f’nuqqas kbir ta’ effiċjenza fis-servizz li jingħata fil-qasam tal-kura tas-saħħa ta’ pajjizna

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istess żidiet fil-każijiet ma jawgurawx tajjeb għal ħadd imma l-aktar għal dawk il-persuni vulnerabbli fostna bħall-anzjani u persuni b’abbilitajiet differenti. Dawn tal-aħħar kienu fost dawk li l-aktar bagħtew meta ntalbu għal ġimgħat sħaħ jiżolaw ruħhom u jiċċaħdu minn qrabathom u mill-għeżież tagħhom.

Kif diġà rajna kellna għadd ta’ tobba u infermiera li kellhom imorru kwarantina għax kellhom kuntatt ma’ każijiet pożittivi, b’riskju għalihom u għall-familji tagħhom. Dawn għandhom iservu ta’ twissija għall-awtoritajiet tas-saħħa u għall-gvern. Jeħtieġ miżuri adekwati u f’waqthom nistgħu nevitaw esperjenzi koroħ li pajjiżi oħrajn għaddew minnhom.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qal li jikkundannaw l-aġir irresponsabbli tal-Gvern li wara dawn is-sagrifiċċji kollha xorta poġġa l-ekonomija qabel il-ħarsien tas-saħħa tagħna l-Maltin. Minkejja d-diskors fieragħ dwar l-anzjani, jidher ċar li għaliex il-parti l-kbira ta’ dawn ma jikkontribwixxux lejn l-ekonomija, l-Gvern ma jiddejjaq xejn li jpoġġi saħħithom fir-riskju. Jidher ċar li bil-mod il mod, erġajna se jkollna ngħaddu minn dak kollu li għaddejna minnu u agħar minn hekk jidher ċar li għaddejnieh għal xejn.

Il-messaġġi kontrastanti maħruġa mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż kif ukoll l-aġir ta’ uħud fosthom, b’aġir li jmur kontra is-sens komun, ma jistgħawx jispiraw fiduċja f’min qiegħed imexxina. Ir-rilaxxar ħesrem u kontra kull parir mediku tal-miżuri intiżi biex ixejnu t-tixrid tal-COVID-19 huwa nsult lil-poplu kollu u juri nuqqas serju ta’ apprezzament lil ħaddiema fis-settur tas saħħa għax xogħol siewi li dawn għamlu a skapitu ta’ saħħithom u tal-familji tagħhom.

Bħala Oppożizzjoni flimkien mal-unions tat-tobba u unions oħrajn li jirrapreżentaw lill-ħaddiema rridu nirraffermaw li s-saħħa hija prijorità, temmet tgħid l-istqarrija.