Coronavirus Lokali Saħħa

“It-tieni mewġa f’pajjiżna diġa’ bdiet” – MUMN

"Il-massimu ta' 300 persuna għal parties u tiġijiet hu riskjuż" - l-Assoċjazzjoni tal-Public Health Medicine (MAPHM)

Fi kliem il-union tal-infermiera, “it-tieni mewġa tal-pandemija f’pajjiżna diġa’ bdiet u tinsab magħna”.

Hekk qalet l-MUMN fi stqarrija fejn spjegat li, minkejja din ir-realtà, xorta qed taqbel mal-Gvern li ma jwaqqafx il-parties u t-tiġijiet flimkien avvenimenti kbar sa massimu ta’ 300 ruħ.

Fi stqarrija l-MUMN qalet illi taqbel li l-avvenimenti tal-massa jieqfu, iżda fl-istess nifs tammetti li mhux kollox se jitwaqqaf. Mhux hekk biss; tixgħel bozza ħamra fuq il-każi li qed jiżdiedu jum wara l-ieħor u l-fatt li Malta qed tesperjenza t-tieni mewġa tal-Covid-19.

Titkellem ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Public Health Medicine

Stqarrija oħra ħarġet mill-professjonisti li jaħdmu fil-Public Health Medicine li b’mod dirett spjega kif is-sitwazzjoni li ninsabu fiha hi riżultat dirett ta’ “aġir politiku irresponsabbli.

Dawn il-professjonisti mediċi saħqu li KULL avveniment tal-massa għandu jitħassar.

“Nightclubs, bars, diskoteki, u swali kbar għandhom jingħalqu. Il-massimu ta’ 300 persuna hu għoli wisq”, spjegat l-assoċjazzjoni.

L-MAPHM insistiet li anke l-iskejjel tal-Ingliż għandhom jingħalqu, u jrid jiġi inċentivat it-tele-working.

L-esperti mediċi membri ta’ din l-assoċjazzjoni qalu li tort ta’ deċiżjonijiet ħżiena u messaġġi konflinġenti “issa spiċċajna fis-sitwazzjoni li konna fiha 5 xhur ilu”.