Internazzjonali

L-imwiet mill-coronavirus jaqbżu l-50,000 fil-Messiku

epa08579389 Security officers perform body temperature tests on passengers at a vehicle access checkpoint in a pavilion installed in the Central de Abastos, the largest food distributor in the entire country, in Mexico City, Mexico, on 31 July 2020 (issued 01 August 2020). With 46,688 confirmed deaths, Mexico is already the third country in the world with the most deaths due to the novel coronavirus pandemic. EPA-EFE/Jorge Núñez

Il-Gvern tal-Messiku ħabbar li t-total tal-imwiet mill-infezzjonijiet tal-coronavirus (Covid-19) fil-pajjiż kienu qabżu l-50,000. L-aħħar ċifri mill-Belt tal-Messiku tħabbru jiem biss wara li l-Messiku sar il-pajjiż bit-tielet l-akbar numru ta’ każi fatali ( bil-Covid-19) fid-dinja. Huma biss l-Istati Uniti u l-Brażil li rreġistraw numri aktar traġiċi ta’ vittmi minn din il-marda.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru tas-Saħħa fil-Messiku ħabbar 820 mewta oħra fl-aġġornament għall-‘aħħar 24 siegħa’. L-aġġornament ifisser li l-mejtin mill-coronavirus fil-pajjiż Latin Amerikan telgħu għal 50,517 mindu nstab l-ewwel każ ta’ infezzjoni matul ix-xahar ta’ Frar. Il-każi pożittivi (reġistrati) tal-Covid-19 fil-Messiku issa qabżu l-462,600 qalb il-poplu ta’ aktar minn 128 miljuni.

Dan meta l-poplu Messikan jinsab ferm preokkupat ‘għall-preżent u l-futur’ – bl-ammonti tal-vittmi mill-Covid-19 fil-Messiku jaqbżu l-pronostiku ‘ta’ bejn 6,000 u t-30,000 ‘ li kien ħareġ bih il-President Messikan, Manuel Lopez Obrador lejn l-aħħar ta’ Frar.

Il-Gvern ta’ Obrador, li f’Ġunju beda jnaqqas il-miżuri tal-lockdown fil-Messiku, bħalissa jinsab taħt skrutinju għal kif irreaġġixxa għall-coronavirus.