Lokali

“L-infurzar tar-regolamenti hu kruċjali” – MAM

Ma rnexxilniex nikkonvinċu lill-Gvern biex iwaqqaf mass events ta’ 300 persuna, minkejja laqgħa twila mal-Prim Ministru.

Hekk qal Martin Balzan, President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba f’kummenti wara l-laqgħa ta’ kważi tmien sigħat f’Kastilja,fl-isfond taż-żieda fil-każi ta’ Covid f’pajjiżna.

Il-President tal-MAM stqarr madankollu li l-Gvern ċeda għat-talbiet tal-esperti tas-saħħa sabiex ikunu infurzati regoli bħall-użu tal-maskri permezz ta’ multi, fost oħrajn.  Infurzar li huwa bżonnjuż f’dan l-istadju jekk irridu li nibdew nikkontrollaw il-virus.

Martin Balzan qal li l-Gvern niżżel in-numru ta’ persuni f’attivitajiet tal-massa fuq barra għal 300. Numru li għall-esperti tas-saħħa jibqa’ wieħed għoli.

Il-President tal-MAM qal li madankollu bħala turija ta’ rieda tajba, l-assoċjazzjoni ssospendiet id-direttiva li kienet waqqfet l-operazzjonijiet mhux urġenti, biex b’hekk minn nhar it-Tnejn dawn l-operazzjonijiet ser jerġgħu jibdew isiru kif skedati.

Balzan qal li d-direttivi li hemm dwar l-outpatients f’Malta u Għawdex u dawk taċ-ċentri tas-saħħa se jitħallew hemm.

Fi stqarrija separata, anke l-Kamra tal-Ispiżjara ħabbret li se żżomm fis-seħħ id-direttivi li kienet ħabbret għall-membri tagħha, u insistiet li l-laqgħa tal-MCESD kienet diżappuntanti.

Il-laqgħa tal-Ħamis filgħaxija saret fl-isfond ta’ żieda qawwija fil-każi ta’ Covid-19 fl-aħħar ġimgħatejn u li fil-parti l-kbira tagħhom infirxu minħabba avvenimenti fejn kien hemm gruppi kbar ta’ nies.