Lokali

Mark Anthony Sammut mhux se jikkontesta għal Kap tal-PN

Mark Anthony Sammut qal li mhux se jkun qed jitfa’ ismu fost dawk li jikkontestaw għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook, Sammut qal li l-mument li bħalissa għaddej minnu l-Partit hu diffiċli, għalkemm joffri opportunità ta’ għaqda, saħħa u tiġdid biex il-Partit Nazzjonalista joffri lil pajjiżna Oppożizzjoni u Gvern alternattiv, kredibbli u organizzat.

Hu qal li wasal għal din id-deċiżjoni wara li sema’, ħaseb u anke tkellem mal-familja. Spjega li evalwa dak kollu li qalulu, dak li għandu x’joffri u dak kollu li għaddej minnu l-Partit. Filwaqt li rringrazzja lil kulmin għamillu kuraġġ fl-aħħar jiem, Mark Anthony Sammut wiegħed ħiltu u ħidmietu kollha biex ikompli jwassal il-vuċi u l-viżjoni tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Temm li “fil-Partit tagħkom u tagħna għall-ġid ta’ Malta u l-Maltin”, se jkompli jistinka bla heda biex fl-iqsar żmien possibbli dawk li tbegħdu mill-Partit, iħossuhom komdi u milqugħa.

Ikkummenta