Lokali

Melvin Theuma joħroġ mill-isptar

Sbatax-il jum wara li allegatament prova jweġġa’ lilu nnifsu, il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħalla l-isptar Mater Dei fejn kien rikoverat. Dan intqal mill-Pulizija fil-bulettin mediku li ta’ kuljum kienu qed joħorġu b’rabta mal-qagħda medika ta’ Melvin Theuma.

Hu kien iddaħħal b’urġenza fil-21 ta’ Lulju wara li nstab fil-kamra tas-sodda tal-appartament tiegħu fis-Swieqi b’daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu, fil-polz ta’ idu x-xellugija u f’għonqu.

Ilbieraħ sar magħruf li Theuma kien reġa’ qed jitkellem bla għajnuna, wara li għal xi jiem ma setax jagħmel dan minħabba l-ġrieħi li kellu f’għonqu.

Ix-xhud tal-istat fl-aħħar jiem kien rikoverat fis-Sala tal-ENT wara li kien ġie trasferit mit-Taqsima tal-Kura Intensiva fejn kien iddaħħal oriġinarjament.

Issa mistenni li l-Pulizija se jkunu qed jirrevedu l-protezzjoni li għandu jingħata Theuma fl-isfond ta’ dak li seħħ tlett ġimgħat ilu.