Lokali Qorti

Mhux ħati li fera gravi ġar tiegħu b’daqqa ta’ mus

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ma sabitx ħati Eġizzjan ta’ 40 sena residenti San Pawl il-Baħar li f’jum il-Vitorja ta’ erba’ snin ilu huwa ta daqqa ta’ mus fuq wiċċ Eġizzjan ieħor li joqgħod fl-istess blokka tal-appartament tiegħu.

Soliman Hosam ma nstabx ħati li fit-8 ta’ Settembru 2016 għall-ħabta tas-6:00am. fi Triq il-Ħġejjeġ, San Pawl il-Baħar, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’ periklu ċar, ikkaġuna offiża gravi fuq Sameh Abbas El Sayed Adam.

L-għassa tal-Mosta kienu ġew infurmati mic-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li kien hemm raġel ta’ nazzjonalità barranija li kien qed jallega li qala daqqa ta’ sikkina. Il-vittma spjega lil-Pulizija li l-imputat li joqgħod fl-istess blokka ta’ bini mal-allegat vittma ġie attakat minnu b’mus u tah daqqa ġo wiċċu u fuq ħaddejh filwaqt li beda joffendieh b’ommu u missieru.

L-Ispettur Maurice Curmi li ressaq lil Hosam qal li għall-ħabta tas-7:15am il-Pulizija tal-Qawra kienu infurmati mill-Mosta Health Centre li kien daħal bniedem mhux identifikat ta’ nazzjonalità barranija fejn ġie trattat minħabba xi ġrieħi li kellu fuq wiċċu li allegatament kienu kkawżati apposta minn xi ħadd b’mus.

Il-Pulizija mill-Għassa tal-Mosta marru mill-ewwel hemmhekk, fejn sabu lil dan il-vittma li qal li għall-ħabta tas-6:00am waqt li kien qiegħed fi Triq il-Ħġejjeġ, faċċata tal-blokk flats fejn kien jirrisjedi dak iż-żmien. Tenna li ra lil Hosam Soliman li kien ġar tiegħu.

Wara li sellmu lil xulxin, ra lil Soliman idaħħal idu f’basket li kellu f’idejh u minn hemm ħareġ mus żgħir u tah daqqa bih fuq wiċċu filwaqt li beda jinsolentah.

Induna x’kien ġara meta ra ħafna demm iċarċar ma wiċċu. Il-vittma ġie eżaminat mit-tabib Ivan Micallef fejn dan ħareġ ċertifikat li kien sofra ġrieħi gravi minħabba l-marka li kien ser tibqa’ fil-wiċċ.

L-Ispettur Curmi spjega li wara hu bagħat għall-imputat biex ikellmu fejn dan ingħata s-solita twissija u wara li rrinunzja għall-assistenza legali ta stqarrija.

Qal li l-imputat ċaħad kategorikament li qatt xi darba assalta b’xi mod lil Abbas El Sayed Adam u li fis-6:00am, il-ħin tal-allegat assalt, huwa kien qed jistenna tal-linja ħdejn Giormina Supermarket fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, sabiex imur ix-xogħol.

Mill-banda l-oħra kkonferma li kien ġar tal-allegat vittma. L-imputat kien stqarr li kien hemm persuna oħra, ċertu Sammy Ibrahim Yusef li jgħix fl-istess flat tiegħu u li ra l-inċident fejn il-vittma ġie assaltat minn xi nies ta’ karnaġġjon skur.

Dan il-persuna qal li għal-lħabta tal-4:30am tat-8 ta’ Settembru 2016 sema’ xi nies jgħajjtu barra fit-triq u ttawwal mit-tieqa u ra lil Abbas Al Sayed Adam Sameh u lil Al Sayed Ahmed Abdelasami Gebril jiġġieldu ma’ xi nies ohra ta’ nazzjonalità Afrikana fi Triq il-Ħġejjeġ barra l-flats.

Ix-xhud kellem ukoll lil AI Sayed Ahmed Abdelasami Gebril fejn dan ċaħad li kien kien flimkien mal-allegat vittma jiġġieldu ma’ xi nies ta’ nazzjonalità Afrikana u kkorrobora l-verżjoni mogħtija mill-kwerelant Saleh Abbas El Saved Adam.

Minħabba li kien hemm konflitt ta’ xhieda, ix-xhud spjega li prova jittraċċja xi filmati CCTV miż-żona imma dan irriżulta fin-negattiv. L-Ispettur Christina Delia xehdet minn naħa tagħha li hija kienet qiegħda xogħol ġewwa l-għassa tal-Qawra fejn għall-ħabta tal-10:00am kien mar ċertu Sameh Abbas El Sayed Adam li kien qal li l-persuna relatata kienet irritornat id-dar.

Hija flimkien mal-vittma irrikorrew fil-fond indikat fejn hemmek kien hemm Hosam Soliman li minn naħa tiegħu stqarr li dakinhar filgħodu huwa ma kellu l-ebda argument u kif ukoll li kien jinsab xogħol.

Hu stqarr ukoll li minħabba l-fatt li huwa ma kellux karozza, kien jitlaq għax-xogħol madwar siegħa qabel. L-imputat kien ipprovda ukoll timesheet tax-xogħol li kienett tindika li dakinhar kien daħal għax-xogħol fis-7:25am.

Saret ukoll tittxija ġewwa l-appartament kif ukoll ġewwa l-basket tax-xogħol tiegħu iżda ma nstab l-ebda mus. Xehdet ukoll is-Surġent Suzanne Mifsud, stazzjonata l-Mosta, li qalet li persuna maskili ta’ nazzjonalità barranija allega li qala’ daqqa ta’ mus u li m’għandux dokumenti fuqu.

Skond Sameh Abbas El Sayed huwa sellimlu fit-triq imsemmija u li Hosam beda jgerger li kien beda l-ġurnata ħażin u daħħal idu fil-basket u ħareġ mus li ta daqqa lill-vittma bih fuq wiċċu filwaqt li beda joffendiħ.

Skont il-vittma, l-imputat jaħdem bħala xufier mal-Malta Public Transport. Il-Qorti qalet li mill-provi jirriżulta li l-imputat ta daqqa ghall-ebda raguni speċifka ħlief ghax qam b’burdata hazina.

Meta ra li kellu d-demm nieżel minn ma’ wiċċu mar ic-Centru tas-Saħħa l-Mosta għall-kura. Mix-xhieda ta’ l-Ispettur Curmi jirriżulta li mill-investigazzjoni ċertu Sammy Ibrahim Yusef li kien jghix fl-istess apartament ma l-imputat “ra l-incident kollu mit-tieqa tal-kamra tas-sodda fejn joqgħod u ra xi nies ta’ kulur skur jassaltaw lill-vittma.

Dan ix-xhud ghamel referenza wkoll għal persuna oħra li kien preżenti, ċertu Al Sayed Ahmed Abdelasami Gebril li gie mitkellem mill-pulizija. Madankollu l-Avukat Ġenerali ma talabx li dawn ix-xhieda jinstemgħu u l-Prosekuzzjoni ma ressqux dawn ix-xhieda li possibilment setgħu kienu ukoll xhieda imparzjali u li setgħu jitfgħu aktar dawl fuq kif sehh l-inċident.

Il-Qorti tqis li b’hekk hija ġiet imcaħħda mill-opportunità li tisma’ u tqis xhieda ta’ persuni li, fl-aħħar mill-aħħar, mhumiex involuti direttament fl-inċident. Li kieku tressqu, possibilment il-Qorti setgħet tevalwa l-provi wkoll a bażi ta’ dak li raw u semgħu u setgħu iservu ta’ bilanċ jew kjarifika ta’ kif ġraw l-affarijiet.

Minn tfitxxija tar-residenza tal-imputat ma instab ebda mus jew oġġett ieħor simili. L-imputat wera liI l-Ispettur ukoll log sheet li uriet il-hin tas-7.25am bhala l-ħin li wasal xogħol.

Finalment il-Prosekuzzjoni ressqet bħala xhud lil Charlton Schembri li xehed li l-imputat nhar id-9 ta’ Settembru 2016 kien xogħol dak in-nhar u ppreżenta prova f’dan ir-rigward. Huwa nnottat li l-inċident sehh fit-8 ta’ Settembru 2016 u mhux fid-9 ta’ Settembru 2016.

Madankollu ddokument esebit ġġib id-data tat-8 ta’ Settembru 2016 li hija d-data ta’ l-inċident in kwistjoni u juri il-ħin tad-dħul għax-xogħol bhala 8.32am.

Skond il-Prosekuzzjoni l-inċident seħħ ghall-habta tas-6.00am. qabel l-imputat mar għax-xogħol. Il-Prosekuzzjoni, qalet il-Qorti ma ressqitx lill-vittma Sameh Abbas El Sayed Adam minhabba li baqa’ ma ġiex intraċċat u ma kienx għadu joqgħod fil-post fejn kien jirrisjedi dak iż-żmien.

Il-Pulizija talbu wkoll biex l-Immigration Police biex jekk ikun hemm indikazzjoni tal-moviment tal-vittma jiġu nfurmati. Il-verżjoni tal-vittma tinsab fir-rapport tal-Pulizija.

Minkejja dan, din il-verżjoni, l-Qorti, kif spjegat ma kellhiex il-benefiċċju li tisma’ din il-verżjoni mill-vittma stess u l-istess imputat ma kellux l-opportunita jezerċita d-dritt tiegħu tal-kontroeżami.

Il-Qorti kompliet tgħid li minghajr ebda dubju l-iktar xhud important f’dan il-każ huwa l-vittma stess li għamel ir-rapport u sofra l-grieħi. Mingħajr ix-xhieda tiegħu, il-każ tal-Prosekuzzjoni ma jistax jistrieħ fuq l-iktar prova kruċjali għall-każ.

Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-Qorti tqis li ma tressqux provi suffiċjenti sabiex tinstab ħtija ta’ l-imputat sal-grad rikjest mil-liġi u għalhekk huwa ġie lliberat. Għall-akkużat deheret l-Avukat Veronica-Anne Spiteri.