Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq ħut minn ‘fish farm’ meta kellu 15-il sena

Żagħżugħ minn Birżebbuġa ġie lliberat wara li ma nstabx ħati li f’Diċembru tal-2015, meta huwa kellu biss 15-il sena flimkien ma’ żewġ persuni kkommeta serq ta’ ħut mill-‘fish farm’ li jinsab bejn Marsaxlokk u Birżebbuġa għad-dannu tal-kumpanija MFF Ltd

Huwa lanqas ma nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li bil-ħsieb li jikkommetti serq aggravat bil-valur, bil-ħin u bix-xorta tal-haga misruqa, wera dan il-hsieb b’atti esterni u li ta bidu għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-delitt, liema delitt ma giex esegwit minħabba xi haġa aċċidentali w indipendenti mill-volontà tiegħu.

Dan il-każ imur lura għat-28 ta’ Diċembru 2015 meta għall-ħabta tad-9.30pm. il-Pulizija ġew infurmati permezz ta’ telefonata anonima li hemm frejgata fil-baħar u li kien hemm suspett li sejra tisraq xi ħut minn ġewwa ‘fish farm’.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija irriżulta li kien hemm frejgatini w xi persuni viċin waħda mill-‘fish farms’. Frejgatini minnhom kienet qed tqajjem suspett. Meta resqet lejn il-blat niżlu tliet zgħażagħ minnha u bdew inizzlu xi baskijiet minn fuqha.

Meta l-Pulizija interċettaw dawn iż-żgħżagħ bdew inizzlu xi baskijiet minn fuq il-frejgatina li fiha kien hemm diversi ħut. L-Ispettur Johann Fenech, stazzjonat fl-Għassa taż-Żejtun qal li fil-lejl ta’ bejn it-28 u 29 ta’ Diċembru 2015 kien gie nfurmat mis-Surġent Lambert Zammit mill-Għassa ta’ Birżebbuġa li kien mar jagħmel rapport ċertu Salvu Ellul għan-nom tal-kumpanija Elbros.

Huwa kien qal li kien hemm dgħajsa suspettuża viċin tal-Fish Farms f’Dellimara. Is-Surġent Zammit kien mar fuq il-post fuq fiż-żona ta’ San Luċjan, Marsaxlokk u hemmhekk osserva d-dgħajsa.

Eventwalment din id-dgħajsa avviċinat lejn il-bajja ta’ San Ġorg fejn hemm qarrbet lejn dgħajsa oħra u wara ftit dawn in-nies li kienu fuq id-dgħajsa qadfu lejn ix-xatt.

Kien hemm tliet żgħażagħ li qabżu għal fuq l-art u ġew osservati li bdew iħottu xi basktijiet minn fuq id-dgħajsa għal fuq l-art. Dawn iż-żgħażagħ twaqqfu mill-Pulizija.

Saret tfittxija fil-basktijiet fejn instab xi ħut f’basket minnhom. Aktar tard il-Pulizija infurmaw lill-Forzi Armati fuq il-każ, fejn wara ftit intbagħat dinghy sabiex jieħdu lis-Surgent u lill-imputat lejn id-dgħajsa li kienet ankrata f”nofs il-bajja.

Id-dgħajsa giet identifikata u reġistrata fuq missier l-akkużat. Mit-tfittxija fuq id-dgħajsa ma rriżulta xejn. Sussegwentament Salvu Ellul aċċeda l-Għassa fejn stqarr li l-ħut li kien insteraq minn ġol-fish farm tiegħu kellu piż ta’ madwar 16kg u kien valutat madwar €320.

Willton Gatt, li kellu l-età u kien mal-akkużat u ieħor taħt l-eta ttieħed fil-lockup bil-minorenni, jingħataw l-ordni sabiex imorru l-Għassa l-għada filgħodu.

L-imputat kien stqarr li l-ġurnata ta’ qabel ġara dan il-każ, ftiehem ma żewġt iħbieb sabiex imorru jistadu bid-dgħajsa tal-ħabib ta’ Gatt li ma kienx jafu u offrielhom biex jiġbidhom sal-‘fish farm’ bid-dgħajsa ta’ missieru.

Ġara li waqfitlu d-dgħajsa u huwa baqa’ fuqha filwaqt li t-tnejn l-oħra marru jistadu bid-dgħajsa l-oħra hdejn il-‘fish farm’. Is-Surġent Lambert Zammit, qal li flimkien ma’ tliet Kuntistibbli marru bil-karozza ħdejn it-torri ta’ San Luċjan fejn fid-dawl tal-qamar dehret dgħajsa mal-‘fish farm’ u xi nies bil wieqfa fuq il-gaġġa.

Hekk kif id-dgħajsa bdiet dieħla lejn il-Qajjenza waqfet ma dgħajsa oħra u wara baqgħet diehħa lejn ix-xatt. X’ħin trakkat id-dgħajsa niżlu tliet persuni, l-istess tliet persuni li kienu ħdejn il-‘fish farm’.

Wieħed mit-tlieta kellu basket f’idu li ġo fih kien hemm xlief b’sunnara u xi ħut. It-tliet persuni ttieħdu l-Għassa fejn gew ikkuntattjati l-ġenituri taż-żewġ minorenni.

Sussegwentement, Willton Gatt, li kellu l-età, ttieħed il-lock-up. Il-ħut kien ġie mwieżen u rriżulta li t-tliet ħutiet kienu jiżnu 7kg, 6.5kg u 2.5kg rispettivament jew b’kollox 16-il kilo u stmat li jiswa’ €320.00.

Il-Qorti meta ġiet biex tiddeċiedi dwar is-sentenza qalet li ħadet konjizzjoni tal-kondotta tal-imputat li hija netta, u tinsab konvinta li huwa ma kienx konxju u ma kienx imdorri ghall-proċeduri u l-prattiċi tal-Pulizija.

Il-Qorti qieset ukoll il-fatt, fiż-żmien ta’ l-interogazzjoni, l-imputat kien għadu minuri wkoll ta’ 15 il-sena. Madankollu, ma jirriżultax li kien hemm raġunijiet validi li setgħu jiġġustifikaw in-nuqqas tal-għoti lill-imputat tal-assistenza legali matul l-interrogazzjoni għajr għall-fatt li dan il-prinċipju ma kienx għadu daħal fil-liġi Maltija fiż-żmien meta ġie interrogat.

Il-Qorti qalet li tqis li għal din ir-raġuni oġġettiva, u sabiex żgur jiġi evitat li l-jeddijiet fundamentali tal-imputat jiġu b’xi mod mittiefsa minn din il-Qorti minħabba fl-użu tal-istqarrija tiegħu fil-ġudizzju tagħha, l-istess Qorti qalet li qiegħda tiddeċiedi li tiskarta l-istess stqarrija u ma tqishix bħala prova f’dawn il-proċeduri.

Il-Qorti qalet li minn din ix-xhieda jingħata x’jinftiehem li l-grupp ta’ nies kien maqsum – min kien mar fuq il-‘fish farm’ proprju biex jistad u min kien ma’ dgħajsa oħra li eventwalment rikbithom. Illi dan iffiser li xi ħadd mill-imputati, li f’dan il-kaz qieghed jingħad li kien l-imputat, ma kienx mar direttament jistad fil-‘fish farm’.

Jibqa’ għalhekk li jiġi determinat kif bħala stat ta’ fatt kien kompliċi fir-reat u wettaq il-bidu tal-esekuzzjoni tar-reat li għandu jiġi ppruvat. L-imputat għażel li jixhed b’mod volontarju u fix-xhieda tiegħu jistqarr li hu ma spiċċax jistad mal-ko-imputati l-oħra għaliex f’dak il-mument inqalgħet hsara fid-dgħajsa ta’ missieru li kien qed juża u mar lura isewwiha.

Kompla jgħid li hu ma kien jaf b’xejn minn dak li ġara sakemm l-oħrajn ġew lura u wrewh il-ħut li qabdu. Mill-provi kif miħbura, l-Qorti qaletli m’għandix il-komfort jew il-provi biżżejjed sabiex tkun moralment konvinta li ssib ħtija b’mod li tkun ‘safe and satisfactory’.

Il-Qorti tqis li mill-provi li għandha quddiemha fuq liema tista’ tgħarbel u tagħti gudizzju l-elementi ta’ l-attentat tas-serq ma ġewx stabilliti. Għaldaqstant minn eżami tal-provi li tressqu u wara li eżaminat x-xhieda ta’ l-imputat tqis li l-elementi formali u materjali tal-każ ma ġewx ippruvati sal-grad rikjest mill-liġi u għaddiet biex illiberat lill-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri filwaqt li għall-imputat deheret l-Avukat Veronica-Anne Spiteri.