Lokali

RITRATTI: Antoine Dalli hu r-raġel li nqatel f’Ħal Għaxaq

L-arma tinsab għand il-Pulizija

Jismu Salvu Dalli r-ragel li allegatament spara u qatel lil ibnu f’Ħal Għaxaq – qtil biswit l-iskola ta’ Ħal Għaxaq fi Triq il-Gudja; delitt illi kollox jindika li beda minn tilwima familjari, bil-missier jispicca joqtol lit-tifel tieghu stess.

Il-kaz seħħ għall-ħabta tal-11am, bir-residenti tat-triq johorgu minn djarhom maħsuda malli semghu bil-kommossjoni li inqalghet.

Net News jista’ jikkonferma li fl-argument intużat arma u kien hemm ukoll sparatura fuq ġewwa ta’ residenza. Il-vittma Antoine Dalli, li għandu 37 sena, miet fil-post.

Il-Pulizija fil-fatt ikkonfermawlna li Antoine Dalli inqatel fil-kamra tal-banju, b’tir wieħed ta’ arma tan-nar.

L-arma li intużat fid-delitt (Ritratt: Martin Agius)

Nies minn Ħal Għaxaq qalulna li l-missier ghandu 68 sena u għandu tlett itfal. Il-Pulizija qed iżomm lil Salvu Dalli arrestat.

Fiz-zona tal-iskola għal ħin twil kien hemm preżenza kbira ta’ Pulizija tal-RIU u mid-Distrett taż-Żejtun. Waslet ukoll ambulanza b’tim mediku.

Dwar dan il-qtil infethet ukoll inkjesta immexxija mill-Magistrat Rachel Montebello, filwaqt li l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri. It-tim tal-forensika kien qed ikompli bl-istħarriġ fuq ġewwa tar-residenza fejn sehhet din l-isparatura.

L-arma tan-nar li intużat ġiet elevata mill-Pulizija.

Salvu Dalli huwa isem li mhux ġdid mal-Pulizija tant li fi Frar ta’ din is-sena kien tressaq il-Qorti akkuzat li attakka b’mus lill-eks mara ta’ wieħed mit-tfal tiegħu. Dakinhar, il-Qorti kienet wissietu biex ma jidħolx f’aktar inkwiet.