Internazzjonali

Sanzjonijiet għal Carrie Lam, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong

L-Istati Uniti għadha kemm imponiet is-sanzjonijiet għall-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam u uffiċjali oħrajn — Ċiniżi u alleati tagħhom — fir-rigward ta’ aġir li tellef l-awtonomija ta’ Hong Kong; l-eks kolonja Britannika li għaddiet lura għal taħt is-sovranità taċ-Ċina fl-1997.

Carrie Lam u l-uffiċjali l-oħra favur iċ-Ċina qed ikunu sanzjonati, fost oħrajn, għar-rwol tagħhom ‘biex jonqsu l-libertajiet politiċi’ f’Hong Kong, Is-Segretarju Amerikan għat-Teżor, Steven Mnuchin, għamilha ċara li l-Istati Uniti ‘se tuża l-awtorità tagħha biex tieħu l-passi kontra kulmin jipprova jnaqqar l-awtonomija ta’ Hong Kong’.

Carrie Lam saret mira ewlenija għal dawn is-sanzjonijiet għaliex, skont l-Istati Uniti, ‘hi direttament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika taċ-Ċina li qed toħnoq il-libertà u l-proċessi demokratiċi f’Hong Kong.’

Dan meta għandhom jispiċċaw iffriżati l-proprjetà u l-assi kollha ta’ Carrie Lam u ta’ għaxar individwi oħra (li bħalha huma suġġetti għas-sanzjonijiet) fl-Istati Uniti.

Intant, Lam, li qed taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Ċiniżi, għamlitha ċara li mgħandhiex assi fl-Istati Uniti u meta ‘lanqas mhi ħerqana biex tmur tgħix f’dak il-pajjiż’.