Futbol Sport

Sliema jħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist ta’ Denilson

Sliema Wanderers ħabbru l-akkwist tal-Brażiljan Denislon Pereira Neves li ffirma kuntratt ta’ sena. Din l-aħbar kienet żvelata mill-paġna ta’ Replay fuq Facebook.

Denilson li jilgħab bħala midfielder, lagħab ma’ Arsenal fil-Premier League fil-passat fejn kien involut f’aktar minn mitt partita u skorja 9 gowls. Hu kien issieħeb mat-tim ta’ Londra mingħand São Paulo tal-Brażil għas-somma ta €5 miljuni. Il-Brażiljan ta’ 32 sena kien ukoll captain tat-tim tal-youths tal-Brażil.

Sfortunatament, Denilson matul il-karriera tiegħu kellu numru ta’ injuries li ċaħħduħ milli jkompli jtejjeb it-talent tiegħu. Fl-aħħar staġuni, Denilson lagħab ukoll ma’ Cruzeiro u Botafogo fil-Brażil u ma’ AlWahda fl-Emirati Arab Magħquda. L-akkwist ta’ Denilson mistenni jkun wieħed mill-akbar attrazzjonijiet fil-Kampjonat Premier fl-istaġun il-ġdid.