Internazzjonali

Wara l-isplużjoni f’Bejrut: Jikber l-għadab għall-Gvern Lebaniż waqt li tkompli t-tfittxija għan-neqsin

L-iskwadri tas-salvataġġ fil-Libanu qegħdin iduru fl-inħawi ta’ Bejrut li spiċċaw straxxnati mill-isplużjoni kbira tat-Tlieta fiz-zona tal-port u meta naqsu t-tamiet li jinstabu ħajjin in-numru sinifikanti ta’ persuni li ilhom rappurtati nieqsa minn dakinar.

Sadanittant, ir-rabja tal-poplu għall-Gvern Lebaniż qed tiżdied, fosthom l-akkużi dwar negliġenza ‘li rriżultat’ fl-isplużjoni li ħalliet għexieren ta’ mejtin u eluf ta’ feruti.  L-isplużjoni fl-istess ħin, qardet distretti sħaħ tal-kapitali Lebaniża.

Fil-lejl tal-Ħamis spikkaw sensiela ta’ konfronti vjolenti bejn dimostranti ta’ kontra l-Gvern u l-qawwiet tas-sigurtà Lebaniżi – b’talaħħar jisparaw il-gass tad-dmugħ għal fuq il-folol.

Fl-istess ħin, l-isptarijiet f’Bejrut, bħalissa, ma jistgħux ilaħħqu man-numri hekk kbar tal-midruba mill-isplużjoni, fejn qed jispikka n-nuqqas ta’ sodod u tagħmir mediku għall-emerġenzi fuq skala hekk kbira.

Fil-fatt, in-Nazzjonijiet Uniti kienet qed taħseb biex tibgħat b’urġenza il-provvisti ta’ emerġenza lejn il-Libanu waqt li wissiet dwar kriżi umanitarja f’dan il-pajjiż. L-indikazzjonijiet huma li l-provvisti tal-ikel lejn il-Libanu x’aktarx li jispiċċaw ‘interrotti’, bil-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi jitilgħu sew b’konsegwenza tal-‘ħsarat indeskrivibbli’ fil-port ta’ Bejrut.

Fi żviluppi oħra, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li s-sistema tas-saħħa fil-Libanu, li diġà kienet fraġli, issa sofriet ‘daqqa kważi mortali’, bi tliet sptarijiet (f’Bejrut) jinqerdu kważi għal kollox fl-isplużjoni.

Skont l-aħħar ċifri ( u bit-tfittxija għan-neqsin ma tieqafx, f’Bejrut) l-isplużjoni tat-Tlieta – b’kaġun ta’ kwantità enormi ta’ kimika (ammonium nitrate) li kienet tħalliet għal snin ġo maħżen tal-port —  qatlet ‘il fuq minn 150, minbarra li ħalliet aktar minn 300,000 ruħ mingħajr dar.

Dan meta z-zona tal-port ta’ Bejrut li ġarrbet l-agħar impatt tal-isplużjoni spiċċat devastata għal kollox.

Sar magħruf ukoll li r-refuġjati Sirjani – fost l-aktar komunitajiet fqar fil-Libanu – spiċċaw partikularment vulnerabbli wara l-isplużjoni. Dan fost stqarrijiet mill-aġenziji tal-għajnuna li ‘l-isplużjoni qed tkompli żżid mal-kriżi ekonomika kbira f’Bejrut li kompliet titfa’ lil-Lebaniżi u dawn ir-refuġjati f’sitwazzjoni dejjem aktar iddisprata.’

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, għada għandu jasal f’Bejrut bil-ħsieb li ‘iwassal is-solidarjetà tal-Ewropa lill-poplu tal-Libanu’. Michel mistenni jiltaqa’ mal-President Lebaniż Michel Aoun; il-Prim Ministru tal-Libanu Hassan Diab u l-Ispeaker tal-Parliament ta’ Bejrut, Nabih Berri.

Dan wara li l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, sejjaħ għal ‘bidla profonda’ min-naħa tat-Tmexxija Lebaniża wara l-isplużjoni ‘storika’ ta’ din il-ġimgħa. Fl-istess ħin, Macron qed jesiġi biex it-traġedja f’Bejrut tkun investigata fuq livell internazzjonali.