Internazzjonali

Aktar minn 40 mejta kawża ta’ għargħar fl-Indja

Ritratt: One India

Din it-tmiem il-ġimgħa hija waħda devastanti għall-istat ta’ Kerala fin-nofsinhar tal-Indja hekk kif kawża ta’ għargħar kbar, kienu aktar minn 40 il-vittmi minn tiġrif ta’ ajruplan kif ukoll valanga.

Fl-ewwel każ li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija, kienu minn tal-anqas 18-il passiġġier, abbord titjira tal-Air India Express minn Dubai, inqatlu wara li l-ajruplan, tat-tip Boeing 737, iġġarraf waqt l-inżul fl-ajruport ta’ Calicut.

Skont uffiċjali tal-avjazzjoni, jidher li l-ajruplan, li kien qiegħed jirripatrija ċittadini Indjana maqbuda f’pajjiżi oħra kawża tal-COVID-19, skiddja minn fuq il-mitjar kawża tal-għargħar u nqasam fi tnejn meta waqa’ f’foss biswit l-istess mitjar.

Abbord kien hemm 10 itfal kif ukoll 6 membri tal-ekwipaġġ, bil-linja tal-ajru tikkonferma li fost dawk mejta hemm iż-2 piloti tat-titjira.

Pinarayi Vijaya, il-Ministru Ewlieni tal-Kerala, ikkonferma li l-operazzjoni ta’ salvataġġ ġiet fi tmiemha, b’dawk li salvaw ittieħdu fl-isptar ta’ Calicut u Malappuram għall-kura, b’ 156 minnhom isofru ġrieħi gravi.

Intant mill-istess stat fin-nofsinhar tal-Indja, minn tal-anqas 22 persuna mietu u 44 huma nieqsa wara li l-istess għargħar kkawżaw valanga li radmet bosta djar fid-distrett ta’ Idukki.

Il-każ seħħ f’żona fejn jgħixu ħaddiema fl-industrija tat-te fiż-żona ta’ Rajamalai, madwar 25 kilometru bogħod mill-villaġġ turistiku ta’ Munnar, b’rapporti lokali jgħidu li l-valanga kaxkret mal-20 dar tagħhom, bil-ħaddiema u l-familji tagħhom jintradmu taħt it-tifrik.

Minkejja l-kundizzjoni ħżiena tat-temp, hekk kif il-previżjoni tad-Dipartiment Meterjoloġiku tal-Indja kienet li kellha tagħmel aktar minn 200 millimetru ta’ xita qalila, u l-biża’ ta’ aktar valangi, l-operazzjoni ta’ salvataġġ għadha għaddejja biex jiġu rkuprati kemm jista’ jkun nies minn din it-traġedja.

L-istaġun tal-għargħar, li mistenni jintensifika f’din il-ġimgħa fin-nofsinhar u x-xlokk tal-Indja, huwa sinonimu ma’ dan iż-żmien tas-sena u huwa magħruf li jagħmel ħerba min-nofsinhar tal-Ażja kull sena.