Kurżitajiet Lokali

Awguri lil Sarah u Fabian

“Ilna flimkien għal dawn l-aħħar 4 snin. Wara ftit jiem li ltqajt ma’ Sarah indunajt mill-ewwel li hija speċjali”. Hekk stqarr l-eks preżentatur ta’ Net TV Fabian Demicoli f’messaġġ fuq il-media soċjali hekk kif illejla hu se jingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ flimkien mal-maħbuba tiegħu Sarah.

Fabian u Sarah ilhom flimkien għal dawn l-aħħar 4 snin. Hu pproponilha waqt kunċert ta’ Andre Rieu f’Perth fl-Awstralja.

“Għalkemm dan mhuwiex se jkun it-tieġ kbir li dejjem kont noħlom li jkolli, se nkun qed niżżewweġ lill-ikbar ħabib tiegħi, ir-raġel li jġiegħlni nħossni kompluta, dak li dejjem jirnexxielu jdaħħakni anki meta ma jkollhiex aptit. Dan hu dak li jimporta,” kitbet it-tfajla proprju lbieraħ f’lejliet dan il-jum importanti.

Fabian Demicoli kien jaħdem ma’ Media.Link Communications għal numru ta’ snin fejn serva mhux biss bħala ġurnalist, iżda wkoll bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarjiet ta’ Net News u kif ukoll bħala Kap tal-Programmi ta’ Net Television.

F’messaġġ partikolari minn Erica Gauci, il-Kap preżenti tal-Programmi ta’ Net TV intqal li minkejja l-isfidi kollha preżenti, minħabba l-Covid-19, dan il-jum tant mistenni wasal.

https://www.facebook.com/erica.gauci/posts/10157548162967081

Fabian u Sarah qatt ma qatgħu qalbhom u infatti d-data taż-żwieġ baqgħet dik oriġinali. Kien hemm iżda tibdil fil-pjan għall-honeymoon hekk kif kienu se jżuru l-Istati Uniti u għalissa se jmorru xi jiem Għawdex. Minkejja dan kollu, il-perseveranza dejjem baqgħet tissaħħaħ, u llejla din il-koppja se tingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ.

Minn qalbna, il-ħaddiema ta’ Media.Link Communications, b’mod partikolari dawk ta’ Net News, nawguraw minn qalbna lil Fabian u lil Sarah għal ħajja feliċi flimkien, mimlija barka u għena.