Lokali Qorti

BIR-RITRATTI: L-awtopsja tikkonferma li inqatel b’tir wieħed

Salvu Dalli jwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti.

Salvu Dalli, l-akkużat fl-omiċidju li seħħ il-Ġimgħa filgħodu ttella’ l-Qorti u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Hu kien akkumpanjat miż-żewġ uliedu l-oħra.

Hu ttella’ l-Qorti għall-ħabta tas-1:30 ta’ wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

L-avukati ta’ Dalli, Lennox Vella u Marisa Mifsud qalu li sa xahar ilu kien jinsab fl-Isptar Mount Carmel għall-kura meħtieġa. L-akkużat m’għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest iżda d-difiża talbet li jingħata l-kura. Il-Qorti laqgħet it-talba, bl-akkużat se jibqa’ jinżamm arrestat fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-avukati Kathleen Grima u Franco Debono dehru għall-familja tal-vittma, martu u żewġ uliedu ta’ tlieta u erba’ snin. 

Iktar kmieni:

L-awtopsja fuq il-katavru ta’ Antoine Dalli ikkonfermat li l-vittma tal-omiċidju f’Ħal Għaxaq inqatel min tir wieħed fatali f’żaqqu.

F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Depot, il-kelliem għall-Pulizija Brendon Pisani qal li missier Antoine Dalli, Salvu Dalli, se jitressaq il-Qorti fis-1:30pm quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Pisani qal li kemm il-vittma u anke l-allegat qattiel huma persuni magħrufa sew mal-Pulizija.

L-arma li intużat hu senter, illi ġie elevata mill-Pulizija. U kollox jindika li din kienet kwistjoni familjari.

Antoine Dalli nstab bla ħajja fil-kamra tal-banju, fir-residenza tal-missier.

Preżenti għall-konferenza fid-Depot kien hemm ukoll is-Supretendenti Ramon Cassar u Josric Mifsud.

Dak li ġara lbieraħ:

Salvu Dalli huwa r-ragel li allegatament spara u qatel lil ibnu f’residenza biswit l-iskola ta’ Ħal Għaxaq fi Triq il-Gudja; delitt illi kollox jindika li beda minn tilwima familjari, bil-missier jispicca joqtol lit-tifel tieghu stess.

Fl-argument intużat arma u kien hemm ukoll sparatura fuq ġewwa ta’ residenza. Il-vittma Antoine Dalli, li kellu 37 sena, miet fil-post.