Lokali

Ħalliel jorbot anzjana u jisraq mir-residenza tagħha

Il-ħalliel qabad u daħal fir-residenza li tinsab f'San Ġiljan.

Raġel li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa daħal mgħammad jisraq minn residenza f’San Ġiljan waqt li kien hemm anzjana ġewwa.

Il-każ seħħ fi Triq Ċensu Tabone, San Ġiljan għall-ħabta tal-4.30pm meta r-raġel qabad u daħal fir-residenza waqt li anzjana ta’ 75 sena kienet tinsab f’darha. L-anzjana qed issofri minn xokk iżda ma kelliex bżonn l-assistenza medika hekk kif ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Il-ħalliel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ ġojjelli u muniti. Sorsi tagħna mill-post qalulna li l-anzjana ntrabtet sakemm sab dak li xtaq. Mhux magħruf il-ħalliel kienx armat.

Minnufih, wara li l-ħalliel telaq minn fuq il-post sar rapport lill-Pulizija. Il-persuna qed tiġi mfittxa mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija bħalissa tinsab għaddejja.