Futbol Sport

L-ewwel taqsima fatali għal Napoli

L-ewwel taqsima kienet waħda fatali għal Napoli mmexxija minn Gennaro Gattuso hekk kif Barcelona skorjaw tliet darbiet f’din it-taqsima biex prattikament qatlu l-aspirazzjonijiet ta’ Napoli.

Kollox seħħ fl-ewwel taqsima f’din il-logħba fejn Barcelona wara d-draw ta’ 1-1 f’Napli, ħarġu ferm tajjeb u wara 10 minuti marru fil-vantaġġ permezz ta’ LENGLET. Fit-23 minuta Barcelona skorjaw it-tieni gowl permezz ta’ azzjoni personali ta’ LIONEL MESSI li mdawwar b’dviersi u minn kważi minn mal-art irnexxielhu jsib ir-rokna tax-xibka.

Barcelona għalqu l-logħba fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta MessI rebaħ penalty li minnu LUIS SUAREZ ma żbaljax. Fil-ftit ħin li kien fadal penalty għal Napoli u b’INSIGNE jnaqqas l-iskor.Fit-tieni taqsima Napoli attakkaw għal ħinijiet twal iżda kien kollu ta’ xejn għaliex kienu Barcelona li kkwalifikaw u issa jiltaqgħu kontra Bayern.

Rebħa oħra kbira għal Bayern

Bayern Munich kif kien mistenni għaddew għall-kwartifinali tal-UEFA Champions League meta fi Munich kisbu rebħa oħra kbira fuq Chelsea u għaddew b’aggregate impressjonanti ta’ 7-1.Ir-riżultat ta’ 3-0 fi Stamford Bridge f’Marzu li għadda ftit li xejn kien ħalla tama lit-tim ta’ Frank Lampard li jista’ b’xi mod idawwar dan ir-riżultat.

U l-ftit dubji li seta’ kien hemm komplew jonqsu meta wara biss għaxar minuti Bayern ingħataw penalty li minnu l-attakkant Pollakk ROBERT LEWANDOWSKI ma żbaljax. Kwarta wara Robert Lewandowski mill-ġdid protagonista fejn din id-darba daħħal fl-azzjoni lil PERISIC u l-eks plejer ta’ Inter ma żbaljax.

Minuta bogħod mill-intervall Chelsea naqqsu l-iskor għal dak li kellu jkun il-gowl ta’ konsolazzjoni tal-Blues, gowl skorjat minn ABRAHAM. Il-logħba ftit li xejn kien fadlilha x’toffri u sat-tmiem Bayern żiedu żewġ gowls oħra.Fiż-żewġ każi l-importanza ta’ Lewandowski li qassam lil TOLISSO għat-tielet gowl, bl-istess LEWANDOSKI jgħaqqad id-doppjetta għal skor ta’ 4-1. 

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Rawnd tal-aħħar 16: Barcelona v Napoli 3-1 (4-2 agg.), Bayern Munich v Chelsea 4-1 (7-1 agg.)

Kwartifinali: L-Erbgħa: PSG v Atalanta 9.00pm, Il-Ħamis: RB Leipzig v Atletico Madrid 9.00pm, Il-Ġimgħa: Barcelona v Bayern Munich 9.00pm, Is-Sibt: Man City v Lyon 9.00pm