Sport Waterpolo

Marsaskala bl-ewwel rebħa tal-istaġun u Exiles jikkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Stewart Said

Marsaskala Fish and Fish temmew l-impenji tagħhom fi Grupp A b’rebħa ta’ 5-4 fuq Birżebbuġa Freeport. Din ir-rebħa ma ħalliet l-ebda effett fuq il-klassifika hekk kif Birżebbuġa kienu diġà assigurati minn post fil-Kampjonat Premier. Iżda dawn it-tliet punti jgħinu fil-moral tat-tim ta’ Arpad Babay għall-impenji fl-Ewwel Diviżjoni. Fl-ewwel żewġ sessjonijiet kien biss Malcolm Manara li sab ix-xibka favur Marsaskala. Paul Privitera rdoppja fit-tielet sessjoni filwaqt li David Cutajar naqqas id-distakk sakemm Manara għamilhom 3-1.

Birżebbuġa stenbħu fl-aħħar sessjoni biex jevitaw it-telfa. Wara li Ayrton Camenzuli wieġeb għal Neil Cassar, it-tim ta’ Pierre Borg irkupra żvantaġġ ta’ żewġ gowls permezz ta’ Simon Vassallo u Neil Cassar. Iżda Max Aquilina skorja l-gowl tar-rebħa għal Marsaskala, bl-isforzi ta’ Birżebbuġa fl-aħħar sekondi jkunu għalxejn.

Exiles Ferretti kkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier għal sena oħra b’rebħa ta’ 7-5 fil-konfront dirett kontra Valletta IZIBET. Filwaqt li l-ferħ ta’ Exiles fl-aħħar tal-logħba kien ġustifikat, diżappunt għal Valletta li kellhom l-għan prinċipali li jirritornaw fl-ogħla diviżjoni.

Valletta sfaxxaw fl-aħħar sessjoni hekk kif sa dak il-ħin kienu ftit aħjar minn Exiles. Iżda meta t-tim ta’ Igor Vukanovic mar fil-vantaġġ għall-ewwel darba, Valletta ma kellhomx risposta. Huma straħu wisq fuq il-kwalitajiet tal-veterani Michele Stellini, Edward Aquilina u Niki Lanzon, b’tal-aħħar jilgħab għal ħinijiet twal minkejja li ma kienx 100%.

Il-Beltin rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Ryan Mock u wara li Sean Xerri de Caro ġab id-draw, Niki Lanzon skorja doppjetta b’gowls ta’ kwalità li għenu lil Valletta jidħlu jistrieħu 3-1. Fit-tielet sessjoni, Edward Aquilina wieġeb għal Mark Fenech biex żamm il-vantaġġ doppju, iżda Timmy Sullivan naqqas id-distakk għal gowl qabel tmiem l-aħħar sessjoni.

Michele Stellini għamilhom 5-3 u deher li Valletta kienu f’pożizzjoni li setgħu jikkontrollaw. Iżda Exiles wettqu reazzjoni mill-aqwa, b’Valletta dehru għajjiena biex iżommu l-livell tagħhom. Exiles dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Philip Paris u gowl ta’ Kurt Griscti, b’Timmy Sullivan jaċċerta r-rebħa fl-aħħar sekondi.

Neptunes rebħu Grupp A u se jibdew il-Kampjonat Premier b’sitt punti wara rebħa komda kontra Sirens Mecca Marin. Neptunes bnew vantaġġ ta’ erba’ gowls fl-ewwel żewġ sessjonijiet, b’Isaiah Riolo jnaqqas id-distakk minn żball difensiv. It-tim ta’ Jovan Popovic aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni b’gowls ta’ Stevie u Jordan Camilleri u Nikolai Zammit. Fl-aħħar sessjoni, Sirens irnexxielhom jirbħu l-aħħar sessjoni.

EXILES FERRETTI …………………… 7

VALLETTA IZIBET…………………… 5

(0-1), (1-2), (2-1), (4-1)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris (2), T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris, A. Cousin, S. Apap, D. Fenech, I. Schembri

Valletta: R. Sciortino, P. Borg, E. Aquilina (1), M. Stellini (1), A. Agius, R. Mock (1), D. Paolella, A. Bianchi, N. Farrugia, M. Zammit, K. Galea, N. Lanzon (2), T. Micallef

Referees: Stefano Pinato, Mario Dalli

MARSASKALA FISH AND FISH…….. 5

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………….. 4

(0-0), (1-0), (2-1), (2-3)

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), P. Privitera (1), M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara (2), L. Felice, D. Camilleri, R. Attard, D. Ciappara, A. Muscat, G. Galea, A. Grima Scott

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar (2), D. Pace Lupi, C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Referees: Peter Balzan, Giuliana Nicolosi

NEPTUNES ……………………………. 9

SIRENS MECCA MARIN……….. 4

(2-0), (2-1), (3-0), (2-3)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (5), J. Camilleri (2), J. Abela, N. Zammit (1), A. Fenech, J. Cachia, B. Busuttil, M. Castillo, S. Gialanze

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan, G. Melillo, J. Zerafa Gregory (1), T. Said, L. Falzon (1), I. Riolo (1), J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi, G. Galea Curmi, G. Farrugia, G. Sammut

Referees: Ronnie Spiteri, Stefano Pinato