Internazzjonali

Protesti jiddominaw l-elezzjoni fil-Belarus

Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, meqjus bħala l-aħħar dittattur Ewropew hekk kif ilu fil-kariga mill-1994, għandu għadma iebsa fl-elezzjoni presidenzjali tal-Ħadd hekk kif se jaffaċċja lil Svetlana Tikhanovskaya.

Din hija mara ġdida fix-xena politika li se tikkontesta minflok żewġha, Sergei, li kien se jkun kandidat għall-elezzjoni u ġie skwalifikat mit-tiġrija flimkien ma’ 2 kandidati oħra, Viktor Babaryko u Valery Tsepkalo, wara li ġabru eluf ta’ nies għar-rallies tagħhom.

Tikhanovskaya ħadet ir-riedni tat-3 kampanji, wara li żewġha u Babaryko spiċċaw il-ħabs, biex tikseb il-bidla tant mixtieqa fil-pajjiż filwaqt li wegħdet li ttemm ir-renju ta’ Lukashenko u żżomm elezzjonijiet demokratiċi ħielsa ġodda għall-Presidenza fi żmien 6 xhur mill-elezzjoni tagħha.

Hija ngħaqdet man-nisa taż-2 kandidati l-oħra fl-akbar mass rally f’deċenju li nżammet fit-30 ta’ Lulju, bi stima ta’ 60,000 ċittadin li attendew, u qed jippromwovu bidla paċifika filwaqt li jġibu fi tmiemha id-diviżjoni kbira fil-pajjiż.

Jidher li Lukashenko se juża kwalunkwe mezz possibbli sabiex ixxejjen il-protesti b’rabta mal-elezzjoni, hekk kif għamilha ċara bosta drabi li jaf juża t-truppi militari biex iwaqqaf dawn il-protesti.