Lokali Qorti

Sentejn ħabs wara li pprovaw jaħarbu minn Malta

Tnax-il immigrant ammettew fil-Qorti li provaw jaħarbu minn Malta, b’uħud b’dokumenti foloz u oħrajn bla ebda dokumenti u ntbagħtu bejn sena u nofs u sentejn ħabs kull wieħed.

Abdul Azsem Salah Hassan ta’ 25 sena u Osam Madamedin Bosh ta’ 19-il sena, it-tnejn Sudaniżi, inqabdu bl adokumenti fit-terminal tal-Virtu Ferries. Sugian Mohamed Afakeh ta’ 22 sena u Ahmed Mohammed ta’ 32 sena, li huma wkoll Sudaniżi, akkwistaw passaporti foloz Żvizzeri li nxtraw mill-Ħamrun u provaw jaħarbu minn pajjiżna bil-baħar. Kollha kemm huma jgħixu fiċ-ċentru ta’ Ħal Far u ammettaw għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Tliet immigranti oħra, din id-darba mill-Eritrea b’wieħed minnhom hu minuri ta’ 16-il sena, Natum Obahannes, Andom Tiswa Silati ta’ 35 sena u Lawru Adam ta’ 18-il sena nqabdu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif ippreżentaw dokumenti ta’ immigranti oħra li fil-passat kienu telqu minn Malta.

L-iżgħar wieħed minnhom kien ħarab miċ-ċentru miftuħ tal-Marsa bi pjan għall-ħarba tiegħu minn Malta.

Dawn is-sebgħa weħlu sentejn ħabs kull wieħed, li jfisser il-massimu tal-piena rikjest mil-liġi. Tliet immigranti oħra ntbagħtu wkoll sentejn ħabs kull wieħed filwaqt li tnejn oħra ġew ikkundannati għal sena u nofs ħabs kull wieħed. Jidher li dawn il-ħamsa nqabdu mill-Pulizija moħbija f’kontejner fil-port lesti biex jaħarbu minn pajjiżna.