Lokali

Atmosfera differenti fil-Ħamrun

Triq il-Kbira San Ġużepp … magħrufa minn kulħadd bħala Strada Rjali fil-Ħamrun. Il-Ħadd 9 ta’ Awwissu jaħbat Ħadd fuq il-Festa Liturġika tal-Qaddis Patrun San Gejtanu.

Ġurnata li normalment tara din it-triq mimlija bin-nies minn filgħodu sa tard filgħaxija, fl-okkażjoni tal-Festa tal-lokalità.

Iżda din is-sena, l-atmosfera fit-triq ewlenija tal-Ħamrun hi totalment differenti … wara li ż-żewġ Każini tal-Banda qablu bejniethom li jħassru għalkollox il-marċi brijużi tal-Ħadd filgħodu kawża tal-aħħar ċifri inkwetanti ta’ persuni milquta mill-Coronavirus.

It-triq vojta min-nies, għajr għal dawk li għaddejjin b’xi qadja tal-Ħadd filgħodu u l-karozzi li jużaw din it-triq biex imorru minn post għall-ieħor. Il-Każini politiċi u dawk soċjali baqgħu bil-bibien magħluqa, bil-Knisja Arċipretali armata biss għall-funzjonijiet reliġjużi.

Fil-fatt, f’Jum il-Festa, il-Quddiesa Solenni tqaddset kmieni, segwita mill-Griżma tal-Isqof. Dan wara li l-Parroċċa tal-Ħamrun iddedikat il-ġimgħa tal-Festa għas-Sagramenti.

Dwar l-atmosfera fil-Ħamrun, tkellimna mal-Ariċpriet, il-Kanonku Dun Walter Cauchi, li stqarr magħna li jħoss għafsa ta’ qalb li jħoss meta jara li l-Festa ma setgħetx tiġi ċċelebrata, ħlief għall-funzjonijiet Liturġiċi fil-Knisja.

Dun Walter faħħar ir-responsabbiltà taż-żewġ soċjetajiet mużikali – dik iddedikata lil San Ġużepp u dik iddedikata lil San Gejtanu – għall-mod kif qablu bejniethom li l-marċi brijużi ma kellhomx isiru saħansitra qabel ma dawn twaqqfu mill-Gvern.

U dan minkejja li oriġinarjament kienu aċċettaw li jdoqqu flimkien matul il-Pellegrinaġġ.

Sadanittant, f’din l-okkażjoni, iż-żewġ soċjetajiet mużikali ħabbru wkoll li qablu bejniethom li jikkontribwixxu parti ugwali mill-flus li ssoltu jonfqu fil-Festa lid-Dar tal-Providenza.