Internazzjonali

Belarus: Lukashenko jirbaħ il-vot għall-Presidenza skont exit poll uffiċjali

L-ewwel indikazzjonijiet (exit poll) mill-Belarus huma li l-President Alexander Lukashenko — magħruf bħala l-‘aħħar dittatur tal-Ewropa’ — rebaħ kważi 80 fil-mija tal-vot fl-elezzjonijiet presidenzjali tallum fil-pajjiż.

L-isfidanta diretta tiegħu, Svetlana Tikhanovskaya, spiċċat it-tieni fl-elezzjoni bi kważi seba’ fil-mija tal-vot u meta hemm potenzjal kbir ta’ protesti għar-riżultat fil-kapitali Minsk.

Intant, din kienet l-akbar sfida għal Alexander Lukashenko li ilu jmexxi pajjiżu għal ħames mandati konsekuttivi.

Svetlana Tithanovskaya, eks għalliema, ikkuntestat kontra l-President minflok żewġha, li qed jinżamm il-ħabs.

Il-Belarus, fl-aħħar jiem, għadda minn protesti kbar tal-Oppożizzjoni fi żmien ta’ tilwima inkwetanti mar-Russja. Dan meta l-osservaturi barranin – li fl-aħħar snin ikkundannaw ir-rebħiet elettorali kbar ta’ Lukashenko – qed isegwu l-andament ta’ din l-elezzjoni b’attenzjoni kbira.

Alexander Lukashenko kien elett President tal-Belarus għall-ewwel darba fl-1995. Fl-aħħar elezzjoni fil-Belarus, li saret fl-2015, hu kien iddikjarat rebbieħ bi kważi 84 fil-mija tal-vot.