Internazzjonali

Covid-19: Kalvarju għall-Brażil…Il-100 jum bla infezzjoni fi New Zealand

Il-Brażil, fl-aħħar sigħat, irreġistra ‘il fuq minn 100,000 mewta relatata mal-Covid-19 u li hi t-tieni l-akbar ċifra fatali fid-dinja – wara tal-Istati Uniti.

Il-pandemija fil-Brażil mhi turi l-ebda sinjali li qed tbatti meta, fil-fatt, swiet il-ħajja ta’ madwar 50,000 fl-aħħar tliet xhur biss. Jerġa’ aktar allarmanti hu li l-ammont tal-vittmi rdoppja f’50 jum biss, meta fil-Brażil, s’issa, hemm ’il fuq minn tliet miljun każ ta’ infezzjoni konfermati.

Filwaqt li l-pandemija fil-Brażil trid tilħaq l-eqqel tagħha, il-ħwienet u r-ristoranti f’dan il-pajjiż diġà fetħu mill-ġdid għan-negozju.

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro – li jiem ilu marad bil-Covid-19 u rkupra fi kwistjoni ta’ jiem – sadanittant għadu qed jimminimizza l-impatt tal-virus filwaqt li jopponi għall-miżuri tas-sigurtà ‘li jistgħu jolqtu ħażin lill-ekonomija’.

L-esperti, intant, qed jilmentaw dwar nuqqas ta’ pjan koordinat ‘għal kontra l-Covid-19’ mill-Gvern ta’ Bolsonaro. Dan meta l-awtoritajiet lokali qed jikkonċentraw fuq l-impenji biex jistismolaw mill-ġdid lill-ekonomija tal-Brażil – u li mistennija wkoll jixprunaw il-firxa tal-virus.

Fil-fatt, mhux eskluż li l-ammonti tal-imwiet u infezzjonijiet mill-Covid-19 fil-Brażil huma ferm ogħla milli turi l-istatistika uffiċjali. Dan fost il-qbil ġenerali li l-proċessi tas-swabs u testijiet oħra relatati mal-virus huma insuffiċjenti.

Hemm ukoll biża’ li l-infezzjonijiet qed jinfirxu aktar malajr qalb iz-zoni remoti tal-Brażil – fosthom il-komunitajiet tal-indiġeni u n-neighbourhoods fqar, fejn hu diffiċli l-aċċess għall-kura tas-saħħa adekwata.

Sadanittant, kien hemm aħbar tajba minn New Zealand li rreġistra l-100 jum konsekuttiv mingħajr imqar infezzjoni waħda mill-Covid-19 qalb il-komunità.

Filwaqt li l-poplu ta’ New Zealand għandu għalfejn jiċċelebra dan it-tragward, l-awtoritajiet lokali għamluha ċara li wieħed xorta mgħandux jażżarda ż-żejjed jew jonqos milli jirrispetta l-miżuri tas-sigurtà minħabba l-potenzjal li l-virus ifeġġ mill-ġdid.

Dan meta pajjiżi bħall-Vjetnam u l-Awstralja ukoll kienu ġabu l-coronavirus taħt kontroll għal xi żmien u meta huma, issa, qegħdin jikkumbattu inċidenza ġdida ta’ infezzjonijiet fl-artijiet tagħhom.

Madankollu, New Zealand – pajjiż ta’ ħames miljuni – sar wieħed mill-aktar pajjiżi sikuri fid-dinja fost il-kriżi tal-Covid-19 internazzjonali. Mill-ewwel każ (fi New Zealand) fis-26 ta’ Frar sal-aħħar każ indikat ta’ infezzjoni, fl-Ewwel ta’ Mejju, l-eliminazzjoni tal-virus f’dan il-pajjiż damet għal 65 ġurnata.

Fl-Indja kien hemm traġedja bin-nirien ġo sptar temporanju għall-pazjenti morda bil-Covid-19 u li fiha mietu talanqas għaxar persuni, b’oħrajn jispiċċaw midruba. Il-każ seħħ ġo lukanda – illum konvertita f’ċentru għall-pazjenti – fl-inħawi ta’ Vijayawada, bin-nirien ikunu kontrollati wara nofs-siegħa.

L-inċident kien it-tieni ta’ dan it-tip fi spazju ta’ ftit jiem ġo ċentru tal-Covid-19 fl-Indja – bil-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, jesprimi n-niket kbir tiegħu għat-traġedja.