158 mejta. Mill-anqas 6,000 midruba. Aktar minn 300,000 sfaw mingħajr dar. Stima ta’ 15-il biljun dollaru fi ħsarat. U fil-post, ħofra fonda 43 metru bħala pjaga msammra għall-pajjiż.
Kienu dawn l-effetti devastanti ta’ splużjoni qawwija f’imħażen li regħdet lill-kapitali Lebaniża Bejrut u dwiet madwar il-pajjiż kollu, kif ukoll fil-gżira ġara ta’ Ċipru.
Jidher li kienu nirien kbar, li ħakmu maħżen fil-Port Ħieles tal-belt il-kawża tal-isplużjoni, meta kienu maħżuna 2,000 tunnellata ta’ kimika li tintuża’ bħala fertilizzant u anke bħala splussiv, bl-awtoritajiet jgħidu li din intelqet hemm għal diversi snin.
Is-Sibt kienu madwar 10,000 dawk li ħonqu t-toroq ta’ Bejrut biex ifakkru l-vittmi tal-isplużjoni u juru l-għadab tagħhom kontra l-Gvern Lebaniż għall-falliment tiegħu milli jipprevjeni l-isplużjoni, bil-Pulizija jkollha tispara l-gas tad-dmugħ biex twieġeb għat-tfigħ ta’ ġebel mid-dimostranti u oħrajn li żgassaw diversi Ministeri.
F’indirizz lin-nazzjon, il-Prim Ministru Lebaniż, Hassan Diab, ħabbar li se jsejjaħ elezzjonijiet bikrija bħala żblokk għas-sitwazzjoni, li se tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kabinett tat-Tnejn.
Il-Ministru tal-Informazzjoni, Manal Abdel Samad, kienet l-ewwel Uffiċjal tal-Gvern li rriżenjat wara l-isplużjoni għax fil-fehma tagħha, il-Gvern naqas milli jevita l-katastrofi ta’ Bejrut u milli jwassal ir-riformi tant meħtieġa għall-pajjiż.
Wara ż-żjara tiegħu f’Bejrut il-Ħamis li għadda, il-President Franċiż, Emanuel Macron, ingħaqad mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Gutieres, biex mexxew Summit internazzjonali bl-għan li jiġbru flimkien bosta pajjiżi u benefatturi li lesti jgħinu finanzjarjament ħalli l-kapitali Lebaniża ssib saqajha malajr kemm jista’ jkun.
Fost dawk li attendew għas-Summit virtwali, kien hemm il-President Amerikan, Donald Trump, kif ukoll rappreżentanti tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea flimkien maċ-Ċina, ir-Russja, l-Eġittu u r-Renju Unit.
Dawn ilkoll talbu għall-azzjoni immedjata, filwaqt li wegħdu s-sostenn finanzjarju u umanitarju tagħhom b’mod li jilħaq lill-poplu Lebaniż, l-aktar dawk vulnerabbli, b’mod effiċjenti, bħall-aċċess għall-ikel u l-mediċina.
Is-sostenn internazzjonali propost minn Macron mistenni jmur anke għal inkjesta independenti u kredibbli li għandha tistabillixxi kif kien permess li d-diżastru jseħħ.
Iżda n-Nazzjonijiet Uniti appellat għal aktar għajnuna mill-komunità internazzjonali, hekk kif bosta huma d-djar mingħajr dawl u ilma, fl-isfond ta’ biża’ ta’ nuqqas ta’ aċċess għall-ikel, kif ukoll żieda allarmanti fil-każi ta’ Covid-19.
Dan l-appell lill-mexxejja internazzjonali waslu wkoll mingħand il-Papa Franġisku, waqt l-Angelus tal-Ħadd, li anke ħeġġeġ lill-mexxejja Nsara fil-Libanu biex jibqgħu viċin il-merħla tagħhom fis-siegħa tal-bżonn, b’kompassjoni u solidarjetà.
Bħala ġest ta’ solidarjetà, kien il-Papa nnifsu li din il-ġimgħa offra kwart ta’ miljun ewro bħala sostenn għall-Knisja Kattolika fil-Libanu f’dan iż-żmien ta’ diffikultà.
//= $special ?>