Internazzjonali

Emirati Għarab: Rapporti dwar il-wasla ta’ Juan Carlos f’Abu Dhabi

L-aħħar rapporti dwar l-eks Re Spanjol, Juan Carlos, qed jindikaw li hu, issa, ivvjaġġa lejn l-Emirati Għarab wara li kien telaq minn Spanja fejn qed ikun investigat dwar korruzzjoni.

Intant, qed jingħad li ritratt ippubblikat mill-grupp tal-media Spanjola NIUS, ‘juri’ lil Juan Carlos mal-wasla tiegħu f’Abu Dhabi u fost rapporti li hu jinsab alloġġjat f’lukanda ‘five-star’ fl-inħawi. Madankollu, il-lokalità tal-eks Re Spanjol baqgħet mhix ikkonfermati mis-sorsi uffiċjali – bil-Familja Rjali u l-Gvern ta’ Spanja ma jikkummentawx dwar l-aħħar movimenti ta’ Juan Carlos.

L-eks Re Spanjol, bħallum ġimgħa, ħabbar li kien qed iħalli Spanja u meta għadu qed jiċħad għal kull sehem fl-allegata korruzjoni.

Juan Carlos qal ukoll li lest jikkoopera mal-prosekuturi, iżda t-tluq tiegħu qajjem dibattitu kbir fi Spanja dwar ‘is-sitwazzjoni tal-monarkija’.

Qabel l-allegata wasla tiegħu f’Abu Dhabi, kien irrappurtat li l-eks Re Spanjol seta vvjaġġa lejn ir-Repubblika Dominikana ‘inkella lejn il-Portugall’.