Festi Kultura Lokali

Il-baned Ħamruniżi jagħtu parti mill-flus li kienu se jonfqu fil-festa lid-Dar tal-Providenza

Deskritt bħala ġest mill-isbaħ ta' solidarjetà

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, bi qbil, għażlu li jikkontribwixxu parti ugwali mill-flus li s-soltu jonfqu fil-festa lid-Dar tal-Providenza, fis-Siġġiewi.

Minkejja li din is-sena kienet waħda iebsa ħafna mil-lat finanzjarju għaż-żewġ Soċjetajiet, kif kienet għall-Għaqdiet tal-Banda kollha, l-Għaqdiet iħossu li għandhom jagħmlu l-parti tagħhom propju f’jum il-festa ta’ San Gejtanu, il-qaddis tal-Providenza.

Filwaqt li ż-żewġ Għaqdiet jissottoskrivu għall-prinċipju li l-isbaħ karità għandha ssir fis-silenzju, iħossu li b’dan il-ġest żgħir tagħhom kapaċi jħajjru Għaqdiet Mużikali oħra li bħalhom kienu se jiċċelebraw il-festa tagħhom, anke jekk forsi b’mod ridott. Ġaladarba minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-imxija COVID-19, kollox kellu jiġi mħassar, għandhom huma wkoll jgħaddu donazzjoni żgħira minn dak li kienu se jonfqu. L-istess għandhom jagħmlu istituzzjonijiet oħra.

L-Għaqdiet Mużikali Ħamruniżi jwasslu l-ikbar ħajr lil Ħamruniżi tal-appoġġ muri lilhom fl-aħħar jiem u jawguraw il-festa t-tajba lil kulħadd.