Rekord ġdid ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus f’ġurnata waħda, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa rriżultaw 54 każ pożittiv, fosthom 30 li ma jafux minfejn ħadu l-virus.
B’hekk il-każi attivi telgħu għal 396 persuna – rekord ieħor meta wieħed iqis li s’issa l-akbar ammont ta’ każi attivi kien ta’ 352 nhar il-15 ta’ April li għadda.
Skont il-bulettin ippubblikat mill-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, jirriżulta li disa’ persuni oħrajn fiequ mill-virus.
Min-naħa l-oħra, l-iżgħar persuna li ttestjat pożittiv fl-aħħar 24 siegħa għandha sena biss, filwaqt l-akbar persuna għandha 75. 24 persuna oħra ġew minn każi magħrufa qabel.
12 minn dawn irriżultaw pożittivi mill-cluster ta’ Paceville, tlieta mill-Iskejjel tal-Ingliż u disgħa huma membri familjari ta’ każi diġà magħrufa.
B’hekk, fuq jumejn, pajjiżna rreġistra 94 każ ġdid ta’ Coronavirus biex issa l-każi totali minn Marzu li għadda ‘l hawn ilaħħqu l-1089.
Intant, il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook issa qed jirrakomanda lill-poplu Malti jevita postijiet iffullati.
U minn nhar il-Ħadd li ġej se jirritornaw il-cruise liners f’pajjiżna wara l-approvazzjoni tal-awtoritajiet Maltin fost l-oħrajn biex il-vapuri tal-MSC jagħmlu waqfa f’pajjiżna.
Jidher li l-Gvern approva l-protokolli ta’ sigurtà u s-saħħa ppreżentati mill-kumpanija għaż-2 rotot li se topera b’Malta inkluża għal ċittadini Ewropej fiż-żona Schengen.
Wieħed mill-cruises li ġej Malta se jgħaddi mill-portijiet Taljani ta’ Genoa, Civitavecchia f’Ruma, Napli u Palermo filwaqt li l-ieħor se jgħaddi mill-portijiet Taljani ta’ Bari u Trieste għall-portijiet Griegi ta’ Korfu, Katakolon u Piraeus.
//= $special ?>