Coronavirus Gazzetti Lokali Saħħa

“It-tieni mewġa verament laqtitna” – L-Editorjal tal-Independent

Ikompli jikber id-diżappunt għall-mod li bih Kastilja qed titratta n-numru ta' Coronavirus, bil-Prim Ministru jibqa' jgħid li kollox jinsab taħt kontroll

“Il-każijiet tal-Coronavirus splodew ‘il fuq l-aktar minħabba l-attivitajiet tal-massa u is-sitwazzjoni mhix taħt kontrol għaliex it-tieni mewġa tinsab verament magħna.”

Kien dan il-qofol tal-Editorjal tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday li ttratta n-negliġenza tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista ghall-mod li bih qed jitratta t-tieni mewġa ta’ każijiet ta’ Coronavirus f’pajjiżna.

L-Editur qal li fil-fond ta’ qalbu, kulħadd kien jaf li bil-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport, dan kellu jġib miegħu r-riskju li l-każi jerġgħu jibdew jiżdiedu.

Biex tkompli tgħaxxaq, kompla l-Editorjal, kien inevitabbli li l-COVID-19 jerġa’ jinfirex grazzi għall-irresponsabbiltà tal-Gvern li jippermetti li jsiru l-avvenimenti tal-massa… biex issa erġajna koppi hekk kif il-każi attivi sparaw ‘il fuq b’aktar minn 300 każ fi 3 ġimgħat. U s-sitwazzjoni kapaċi tkompli tiggrava. .

L-Editur saħaq li mhuwiex ġust li l-Gvern ibenġel is-sitwazzjoni billi jgħid li dawn żdiedu bil-wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna għaliex dawn ġew iżolati minnufih u ma kien hemm l-ebda trażmissjoni lokali.

Dan bil-kontra tal-każijiet li ħarġu minn numru ta’ skejjel tal-Ingliż, mill-party li sar f’lukanda ewlenija, minn festa lokali kif ukoll minn stabbiliment tad-divertiment f’Paceville hekk kif għandna aktar minn 5 clusters magħrufa li qed ikomplu joktru.

L-Independent tghid li l-Prim Ministru ma jistax jiġġustifika li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll abbażi tal-fatt li għad m’hemmx pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa għaliex għalkemm il-każijiet irrappurtati dan l-aħħar jikkonċernaw l-aktar dawk żgħażagħ u fl-età medja, fi ftit jiem oħra…dejjem skont l-editur… jintlaqtu ukoll dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, b’konsegwenzi anki fatali.

L-Editorjal jappella lill-Gvern biex ikun konxju tal-fatt li kull ma jmur qed joqorbu x-xhur kesħin tax-xitwa u għalhekk is-sitwazzjoni tista’ tmur aktar għall-agħar bl-istaġun tal-influwenza.

L-Editorjal jawgura li l-Prim Ministru tgħallem mill-iżball gravi meta fi kliemu qal li l-mewġ jinsab fil-baħar għaliex fil-verità, it-tieni mewġa tinsab magħna.

Intant, b’rabta mal-ilbies tal-maskri, l-editur jittama li ma jiġi ħadd issa jħabbar li se jagħti xi amnestija, bħalma kien għamel il-Prim Ministru lura f’Mejju li għadda. Min jinqabad bla maskra hemm fuqu multa ta’ 100 ewro kull darba.