Internazzjonali

Libanu: ‘Gwerra’ bejn il-Gvern u l-poplu…bil-pajjiżi jimpenjaw l-għajnuna

Il-Kabinett tal-Libanu mistenni jiddiskuti dalwaqt il-probabbiltà ta’ elezzjoni ġenerali bikrija bħala ‘triq ‘il barra mill-kriżi’ — u meta l-pajjiż għadu qed jagħmel il-kalkuli traġiċi tal-isplużjoni storika ta’ kważi ġimgħa ilu f’Bejrut li ħalliet madwar 160 mejtin, 5,000 midruba u ‘il fuq minn 300,000 mingħajr dar.

Il-Prim Ministru Lebaniż, Hassan Diab, mistenni jitlob biex issir l-elezzjoni mill-aktar fis wara sensiela ta’ inċidenti inkwetanti fejn il-poplu deher qed ‘iqum bi ħġaru kontra l-Gvern’ – fost aktar espressjonijiet ta’ għadab popolari għall-kriżi li ilha tifni lil-Libanu.

Fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, ħarġu l-eluf ta’ nies fit-toroq, bi gruppi ta’ dimostranti jitfgħu l-ġebel lejn il-pulizija, li rreaġew bl-isparar tal-gass tad-dmugħ.

Intant, numru ta’ dimostranti assedjaw lill-Ministeri tal-Gvern f’Bejrut fost xeni ta’ vjolenza rari. Dan meta l-Libanu – sa minn qabel l-isplużjoni tat-Tlieta – kien ilu mgħarraq fi kriżi ekonomika profonda u meta, illum, anki qed jipprova jikkonfronta l-impatt diżastruż tal-Covid-19 fi ħdanu.

Il-moviment ta’ kontra l-Gvern Lebaniż ilu attiv minn Ottubru, fejn qed jieħu stimolu mis-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħda fil-Libanu u l-fatt li l-kambju tal-pajjiż jinsab fi stat ta’ kroll avvanzat.

Fl-aħħar żviluppi, Manal Abdel Samad irriżenjat bħala l-Ministru tal-Libanu responsabbli mill-Informazzjoni. Hi semmiet il-falliment tal-Gvern biex iwettaq ir-riformi u l-‘katastrofi ( splużjoni) ta’Bejrut’ bħala r-raġunijiet wara r-riżenja.

Sadanittant, il-mexxejja internazzjonali – permezz ta’ konferenza virtwali organizzata minn Franza u n-Nazzjonijiet Uniti – iddiskutew l-impenji għall-għajnuna lil Bejrut f’dan iż-żmien mill-aktar diffiċli.

Hu kkalkulat li l-isplużjoni tat-Tlieta – dovuta għal kunsinna kbira ta’ ammonium nitrate ( li jista’ jintuża bħala fertilizzant kif ukoll bħala splussiv) li kienet tħalliet għal snin ġo maħżen fil-port ta’ Bejrut – ikkaġunat ħsarat ekwivalenti għal aktar minn 12-il biljun ewro fil-kapitali.