Lokali

Sajf għalkollox differenti

Awwissu. L-eqqel tas-Sajf Malti. Żmien il-ħruġ, l-iljiel twal, serati ħdejn il-baħar, is-safar u l-vaganzi.

Normalment, is-Sajf hu assoċjat ma’ dawn kollha … iżda is-Sajf ta’ din is-sena se jibqa’ mmarkat bħala wieħed uniku f’kull sens.

Min qatt kien jobsor li mhux se ngawdu l-Festi? Jew li se nkunu qed naħsbuha darbtejn qabel insiefru?

Ir-realtà hi li l-pandemija ħarbtet il-ħajja ta’ bosta. U dik li hemm min sejħilha bħala “normalita gdida” hi kollox minbarra normali.

Matul il-jum tal-Ħadd, NET News żar diversi żoni turistiċi qrib il-baħar, fejn stajna ninnutaw li l-bajjiet kienu ferm anqas iffullatti milli normalment ikunu. U f’ħafna bajjiet stajna ninnutaw preżenza ta’ turisti aktar milli Maltin … forsi anke għax il-Maltin qed jippreferu joqgħodu ġewwa biex inaqsu ir-riskju.

L-ammont ta’ nies jimxu fit-toroq, nies fil-kafetteriji u r-ristoranti reġa’ qed jonqos … evidenza ċara li n-nies qed jaħsbuha darbtejn qabel ma joħorġu, hekk kif in-numri ta’ persuni li qed jirriżultaw pożittivi bil-Coronavirus qiegħe dejjem jiżdied. Fil-fatt, issa, il-Ministeru tas-Saħħa qed jappella biex in-nies jevitaw żoni ffullati.

Min-naħa l-oħra, iż-żieda fil-każi ġodda ta’ Covid-19 ma kienux biżżejjed biex iwaqqfu lil xi nies milli jgawdu tmiem il-ġimgħa fi gruppi kbar.

Fil-fatt, kemm il-bajja ta’ Blue Lagoon kif ukoll stabbilimenti f’Paceville kienu maħnuqin bin-nies, b’ħafna mill-individwi ma kienux lebsin maskra.

Fl-istess waqt, mis-Sibt daħlu fis-seħħ ir-regoli li jobbligaw l-użu tal-maskri protettivi. Kull persuna li tonqos milli tosserva dawn ir-regolamenti se teħel multa ta’ €100 għal kull darba.

Iżda jekk ir-reat jiġi ammess u l-penali tiġi mħallsa qabel, ma jibdewx il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, bil-penali applikabbli tkun imnaqqsa għal €50.

Kull persuna li tkun fi ħwienet, fuq tal-linja, fuq il-Gozo Channel, fit-Terminals taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr, kif ukoll fil-bini tat-Terminal tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandha f’kull ħin tilbes maskra medika jew tad-drapp. Minkejja dan, xorta waslulna rapporti ta’ nies, partikolarment fuq il-vapur ta’ Ghawdex, li qed jibqghu jinjoraw din id-direttiva. Bħalissa r-rata ta’ trażmissjoni tal-virus tinsab fil-livell ta’ 2, għalkemm uffiċjalment, pajjiżna m’għadux f’Emerġenza tas-Saħħa Pubblika. Madankollu, it-Tobba u l-Infermieri qed iwissu li diġà ġiet fuqna t-tieni mewġa ta’ din il-pandemija.