Lokali

Adrian Delia u Bernard Grech huma l-ismijiet li esprimew interess għat-tmexxija tal-PN

Kien hemm it-tielet applikazzjoni, li ġiet rifjutata

Il-Kummissjoni Elettorali tiddikjara li hekk kif għalaq iż-żmien għall-membri tal-Partit Nazzjonalista stabbilit mill-Kummissjoni Elettorali sabiex dawk kollha interessati li jikkontestaw l-elezzjoni għal Kap tal-PN jiddikjaraw l-interess tagħhom, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet żewġ nomini dawk ta’ Delia, Adrian u Grech, Bernard.

Fi stqarrija ċ-Chairman Kummissjoni Elettorali PN Peter Fenech qal li l-Kummissjoni Elettorali bdiet tilqa’ l-ismijiet wara li l-Kunsillieri tal-PN, fil-Kunsill Ġenerali straordinarju, miżmum is-Sibt 1 ta’ Awwissu, ivvutaw biex issir elezzjoni għal Kap tal-Partit.

Iż-żewġ ismijiet li waslu għand il-Kummissjoni Elettorali, illum stess ser jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni Kandidati mmexxija miċ-Chairman Colin Bowman biex din il-Kummissjoni twettaq l-iskrutinju u l-eżerċizzju ta’ diligenża ppruvata (due diligence) meħtieġa fuqhom skont l-iStatut tal-Partit Nazzjonalista.

Intant, Net News jinsab infurmat li kien hemm it-tielet persuna li fi tmiem il-ġimgħa esprimiet interess għat-tmexxija tal-PN. Din l-applikazzjoni ġiet rifjutata għaliex irriżulta li l-individwu ma kienx tesserat tal-PN.