Coronavirus Lokali

Appell biex ma jirrepetux ruħhom żbalji passati

"Ma jistgħux jiġu ripetuti żbalji li setgħu ġew evitati u li jġibu danni koroh għal tul ta’ żmien" - il-KNA

Il–Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani (KNA) għamlet dan l-appell lill-awtoritajiet konċernati fid-dawl tat-tħassib serju u allarmanti li qed joħolqu l-każijiet ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna b’mod speċjali għal dawk vulnerabbli.

L-għaqda qalet li dan l-iżvilupp negattiv, riżultat ta’ attivitajiet soċjali u rikrejattivi tal-massa bla rażan,xejn ma għen biex ir-riżultati sodisfaċenti miksuba  fil-bidu tas-sajf mill-operaturi tas-saħħa f’pajjiżna – tobba, nurses, carers, midwives u paramediċi oħra jkunu konsolidati.

Il-KNA ngħaqdet man-numru kbir ta’ għaqdiet, unions u s-soċjeta ċivili biex tappella lill-awtoritajiet  jipprevedu u jirreżistu  milli japprovaw permessi li minnhom infushom iferrxu u jkabbru s-sogru ta’ nfezzjoni.

Tkompli tisħaq li l-anzjani maltin diġa għaddew minn tbatija u anzjetà kbira għal xhur sħaħ anke mill-familjari għeżież tagħhom biex jobdu l-ordnijiet leġittimi tal-awtoritajiet.

Filwaqt li tħeġġeġ lill-anzjani Maltin u Għawdxin biex ikomplu jsegwu u jobdu l-appelli tal-awtoritajiet, titlob lill-Gvern biex jara li s-saħħa tal-puplu kollu għandha tipprevali fuq il-ħtiġijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż.