Ambjent Lokali

Appell ta’ protezzjoni għall-Ħamiem il-Baħar

Il-Ħamiem il-Baħar jinsabu f'riskju li jiġu estinti.

Nature Trust Malta flimkien ma’ Sharklab Malta qed jappellaw lill-awtoritajiet konċernati għall-protezzjoni tal-Ħamiem il-Baħar, speċi tal-baħar li jinsabu f’riskju li jiġu estinti. Dan l-appell qed isir wara li l-ġimgħa l-oħra bugħaddas qatel ħamiem il-baħar bħallikieku xejn mhu xejn fil-Mellieħa. 

Huma qed jitolbu li dan l-ispeċi jiġi nkluż mal-grupp ta’ elasmobranch hekk kif bħalissa tinsab fuq il-Lista l-Ħamra tal-IUCN.

Filwaqt li dan l-ispeċi jixbaħ ħafna lil Eagle Ray u hu tip ta’ speċi tal-baħar, il-movimenti tal-ġwienah li għandu jiċċaqalqu bħal għasfur. Hekk kif dan l-ispeċi hu wieħed pjuttost rari, ftit li xejn nafu dwaru.

L-ewwel darba li ġie nnotat fl-ibħra Maltin kien għaxar snin ilu. Hu maħsub li ż-żona tal-madwar ta’ pajjiżna jservi ambjent mill-aqwa għal dan l-ispeċi meta jkun għadu żgħir. Il-Ħamiem il-Baħar hu speċi vulnerabbli hekk kif jgħix f’ilma li jkun bejn 1 u 30 metru fond biss filwaqt li jimxu bilmod.