Internazzjonali

COVID-19: Il-parti kbira tal-popolazzjoni tad-dinja għadha suxxettibbli għall-infezzjoni

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet mill-ġdid li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja għadha suxxettibbli għall-infezzjoni bil-Covid-19 li għadha qed tiċċirkola fil-pajjiżi – u meta diversi Stati qegħdin jirreġistraw ‘spikes’ allarmanti fin-numru tal-każi.

It-tabiba, Maria Van Kerkhove, bħala l-kap tekniku responsabbli mir-reazzjoni tal-WHO  fil-konfront tal-Covid-19, tkellmet waqt konferenza tal-aħbarijiet u għamlitha ċara li ‘ma jidhirx li l-firxa u l-impatt tal-virus jistgħu jiddependu mill-istaġun partikulari’.

Hi, intant, ħeġġet biex in-nies jagħmlu kulma jistgħu biex jevitaw il-firxa tal-infezzjonijiet fost enfasi dwar il-ħtieġa li huma jilbsu l-maskri tal-wiċċ fejn xieraq waqt li jevitaw iz-zoni ffullati.

L-enfasi saret ukoll fuq id-distanzi soċjali li jistgħu jkunu difiża effettiva għal kontra l-infezzjonijiet.

Sadanittant, id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, faħħar l-azzjonijiet speċifiċi li ttieħdu minn diversi pajjiżi – fosthom id-deċiżjoni tal-Gvern fir-Renju Unit biex jimplimenta l-lockdowns lokali f’Leicester u bnadi oħra lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra.

Ghebreyesus qal li ‘miżuri sodi u speċifiċi bħal dawn – fl-istess żmien ta’ sistemi oħrajn li jilqgħu kontra l-coronavirus – huma importanti fl-impenji tal-pajjiżi biex jevitaw spinta ġdida fil-Covid-19 u biex is-soċjetajiet ikunu jistgħu jiftħu għal kulħadd mingħajr periklu’.