Għadd ikbar mis-soltu ta’ kwiekeb feġġejja jimlew is-sema tal-gżejjer Maltin fil-jiem ta’ madwar il-festa ta’ San Lawrenz, jum l-10 t’Awwissu. Dan l-ammont kbir ta’ ‘shooting stars’ jissejjaħ id-Dmugħ ta’ San Lawrenz.
Net News ħa l-kummenti ta’ Josef Borg, il-President tal-Għaqda Maltija tal-Astronomija illi tana aktar taghrif dwar dan il-fenomenu. Huwa qalilna li dan bażikament jiġri għax id-dinja tgħaddi minn post fl-ispażju li fil-passat kienet għaddiet kometa, ħabba f’hekk meta ngħaddu minn hemm ġebel żgħar li jkunu ġa bdew jinħarqu jidħlu fl-atmosfera tad-dinja u aħna dawn narawhom qishom feġġejja.
Hu spjegalna li dan il-fenomenu jista’ jidher ukoll f’perijodi differenti tas-sena.
“Il-kometa hija biċċa ta’ ġebel u silġ li mbagħad tersaq lejn id-dinja, jekk se terġa’ taqsam l-orbiti tad-dinja, din se terġa’ ttik ammont ta’ ġebel ġdid li jistgħu joħolqu “dmugħ ieħor” iżda f’perjodu differenti tas-sena.”
F’Malta u f’Għawdex huma żewġ parroċċi li jiċċelebraw din il-festa; fil-Birgu tkun iċċelebrata f’narha, filwaqt li fir-raħal Għawdxi li hu msemmi għall-istess qaddis, San Lawrenz, il-festa tkun iċċelebrata l-Ħadd ta’ wara l-festa Liturġika.
Crew ta’ Net News it-Tnejn żar il-Belt tal-Birgu, li ssoltu tkun miżgħuda bin-nies iżda t-Tnejn it-toroq kienu mimlija biss bil-pavaljuni u l-bandolori.
Issoltu ta’ kull sena l-Għaqda Maltija tal-Astronomija torganizza attività biex in-nies ikunu jistgħu josservaw dan il-fenomenu fis-sema, iżda minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-imxija, l-Għaqda dis-sena ma organizzat xejn.
Josef min-naħa tiegħu appella kemm jista’ jkun għal din is-sena n-nies jaraw dan il-fenomenu mid-djar tagħhom, u jekk dawn joħorġu jżommu d-distanza u jimxi mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.
“L-aħjar ħin li tara dawn il-feġġejja huwa wara nofsilejl ta’ bejn il-11 u t-12, u t-12 u t-13 ta’ Awwissu… l-aħjar hu li tipprova tagħmel minn kollox biex tħares lejn is-sema fi ftit dwal madwarek”
Fatt interessanti hu li, skont it-tradizzjoni, wieħed għandu jagħmel xewqa waqt li jkun għaddej dan l-ispettaklu fis-sema. Ħafna infatti għadhom jemmnu sal-lum li din ix-xewqa ssir tassew realtà… Li hu żgur hu… li dan il-fenomenu fis-sema, jixgħel id-dlam tal-lejl bi spettaklu naturali mill-isbaħ.
Ritratti ta’ Matthew Tabone
//= $special ?>