Lokali

Ħidma kruċjali minn Hospice Malta – appell għal aktar għajnuna

Hospice Malta ta’ kull sena twettaq xogħol impekkabli biex tgħin u tagħti kontribut kruċjali lill-pazjenti bil-kanċer, u mhux biss.

Net News tkellem ma’ Bernardette Bonnici Kind, iċ-Chairperson tal-istess entità illi fissritilna l-ħidma kontinwa li Hospice Malta jagħmlu, u l-isfidi li huma jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.

“Nirċievu xi 60 pazjent ġdid kull xahar, u fit-total aħna nieħdu madwar 1,300 pazjent u ‘l-familjari tagħhom”

“Il-bżonn hu li nagħmlu ħidma fil-komunità u ngħinu lill-pazjenti… aħna rridu nkomplu din il-ħidma bla ħlas, u ngħinu lil kull min jitlobna l-għajnuna”

It-Tnejn, Hospice ngħatat somma ta’ kważi miljun ewro mill-Gvern biex il-ħidma ta’ din l-għaqda tissokta – ħidma li tiffoka anke fuq servizzi ta’ appogg lill-qraba ta’ individwi milquta minn mard terminali.

“L-ispiża tagħna ta’ kull sena titla’ sa kważi miljun ewro, fis-sena 2022 qed naspiraw li mmorru f’binja ġdida f’Santa Venera, binja li se żżid is-servizz, iżda wkoll li se tkun qed iżżid il-piż finanzjarju fuqna, qed nassumu li la darba mmorru fil-binja l-ġdid, l-ispejjeż jitilgħu għal 3 miljuni”

Bonnici Kind esprimiet il-ħtieġa li l-poplu Malti u Għawdxi bħal dejjem ikun ħanin, u jagħti xi forma ta’ kontribuzzjoni lil Hospice Malta… aktar u aktar bhalissa, meta dan iż-żmien tal-imxija mhu faċli xejn ghalihom.

“Il-pandemija ħalliet impatt kbir fuqna, u fuq kulħadd, nittamaw li issa n-nies bħal ma dejjem għamlu jwieġbu għall-appelli tagħna, u jtuna donazzjoni, anki jekk tkun ċkejkna, kull qatra tgħodd”

Wieħed jista’ jgħin lil Hospice Malta billi jidħol fis-sit elettroniku hospicemalta.org