Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Ewropa: Regoli ġodda għall-ilbies tal-maskri f’Pariġi fost żieda fl-infezzjonijiet fil-Ġermanja

It-tħassib dwar l-ammont qed jikber tal-infezzjonijiet fi Franza wassal biex l-uffiċjali jimplimentaw ‘minnufih’ direttivi fissi għall-ilbies tal-maskri tal-wiċċ fl-aktar partijiet attivi ( fuq barra) ta’ Pariġi.

Id-direttiva tapplika b’mod partikulari lill-persuni ta’ fuq minn ħdax-il sena u għan-nies li jkunu qegħdin ‘ġo zoni ferm iffullati’ tal-kapitali.

Sadanittant, fil-Ġermanja, il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Peter Altmeier, wissa dwar spinta ‘allarmanti’ fl-infezzjonijiet bil-Covid-19’. Altmeier insista dwar il-ħtieġa li l-pajjiż jikkontrolla ż-żidiet fil-każi bħala parti mill-impenn biex ‘tonqos il-kurva tal-infezzjonijiet’. L-inkwiet  ħa spinta  meta t-tfal qed jirritornaw għall-iskola f’Berlin, għall-ewwel darba wara xhur sħaħ.

Il-Greċja reġistrat numru rekord ieħor ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda – 203 għal nhar il-Ħadd. Dan ifisser li n-numru totali tal-infezzjonjiiet fil-pajjiż, sal-bieraħ, kien stabbilit mal-5,623 – b’ħafna minnhom ikunu reġistrati f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Sadanittant, it-turisti li qed igawdu l-btajjel tas-sajf f’diversi pajjiżi kienu mwissija li l-bajjiet jistgħu jingħalqu jekk kemm-il darba jispiċċaw iffullati ż-żejjed waqt xi ‘heatwave’. Fil-fatt, il-pulizija fil-Belġju għamlu xi arresti wara ġlieda li nqalgħet meta xi persuni kienu miltuba biex jitilqu minn bajja.

Mill-banda l-oħra, f’Wales, qegħdin jinfetħu mill-ġdid il-gymansiums, is-swimming pools u ċ-ċentri tad-divertiment bħala l-aħħar stadju fil-proċess għat-tnaqqis tal-lockdown ‘lokali’.

It-tweġiba fuq fomm kulħadd għadha u tibqa meta se tintemm din l-epidemija.

Dan meta l-aħħar eżerċizzji ta’ analiżi mill-esperti fil-qasam tas-saħħa u x-xjenza qed jindikaw li d-dinja jista’ ikollha tistenna għat-tul taż-żmien, bil-każi tal-coronavirus qed ikomplu jżidu f’numru sostanzjali ta’ pajjiżi

Hemm numru ta’ possibbiltajiet għalfejn il-Covid-19 kompla jinfirex fuq livell globali.

Wieħed mill-esperti – l-Amerikan, David Heymann li jispeċjalizza fis-saħħa pubblika — qal li kaġun partikulari jidher li hu ‘nuqqas ta’ tmexxija politika tajba ‘.

Heymann spjega li, f’ħafna pajjiżi, ‘il-mexxejja fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-mexxejja politiċi qegħdin iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet  meta jaslu biex jitkellmu b’leħen wieħed dwar il-kriżi’. U skont hu dan in-nuqqas qed itellef l-isforzi lejn il-kontroll tal-virus – ‘bil-klima preżenti qed tippermetti l-firxa u l-iżvilupp tal-Covid-19’.