Lokali

In-negozji żgħar u medji jeħtieġu għajnuna immedjata sabiex jibqgħu fil-wiċċ

Mill-Arkivji

Fid-dawl ta’ kif in-numru ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna qed kontinwament jiżdied u x-xiri qed jonqos għaliex il-kunsumaturi qed jagħżlu li jonfqu flushom fil-prodotti u servizzi essenzjali, ħafna sidien ta’ ħwienet żgħar u self-employed qed jikkunsidraw li jagħmlu lockdown.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, Edwin Vassallo u minn Kristy Debobno, Kelliem għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, il-PN qal li dan jidher li mhux se jkun impost mill-gvern iżda mis-sidien stess tal-ħwienet u negozji, li se jispiċċaw jiddeċiedu huma xi jkun aħjar għalihom: hux li jagħlqu temporanjament in-negozju tagħhom jew jibqgħu jiġġieldu l-kurrent u jħallsu l-ispejjeż.

Għaldaqstant il-PN iħeġġeġ lill-gvern sabiex iħejji pakkett ġdid ta’ miżuri ta’ għajnuna u b’hekk ngħinu lill-ħaddiema u s-sidien ta’ negozji. Permezz ta’ għajnuna fil-preżent inkunu nistgħu nħejju għall-isfidi xejn faċli ta’ futur li jidher li mhux ser ikun wieħed sabiħ.

Il-PN jitlob lill-PM juri aktar responsabbiltà lejn ħtiġijiet in-nies u jara li bħala gvern ma jibqax gvern arroganti li jaħrab milli jiffaċċja l-problemi li qed jiffaċċjaw il-poplu, il-ħaddiema u s-sidien ta’ negozji żgħar tagħna.