Lokali

Inċertezza dwar kif se jiġu osservati l-miżuri kontra l-COVID-19 mill-Gozo Channel – PN

Mill-arkivji

“Il-Partit Nazzjonalista jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad ma għandhiex sistema adekwata sabiex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, l-passiġġieri josservaw il-miżuri kontra l-COVID-19 imħabbra mill-Gvern,”

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, Toni Bezzina, id-Deputat Whip, Fredrick Azzopardi, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli.

Huma qalu li l-Partit Nazzjonalista jinsab infurmat ukoll li dwar dan hemm preokupazzjoni sħiħa fost il-ħaddiema tal-istess kumpanija Gozo Channel. Dan għaliex dawn il-ħaddiema qed jintalbu biex jgħassu huma lill-passiġġiera sabiex josservaw il-miżuri. Dan m’huwiex xogħolhom u wisq anqas m’huma mħarrġa għal hekk.

Apparti dan, l-istqarrija tkompli tgħid li kien hemm xi inċidenti ma’ passiġġieri li irreġixxew ħażin meta ntalbu josservaw il-miżuri. Fuq kollox kuntatt ma’ passiġġieri li ma josservawx il-miżuri, li jfisser riskju għas-saħħa tal-ħaddiema u dik ta’ dawk viċin tagħhom.

L-istqarrija żżid tgħid li minkejja l-ilmenti tal-ħaddiema, t-tmexxija tal-kumpanija Gozo Channel u l-Gvern li hu direttament responsabbli mill-kumpanija, ftit li xejn qed jagħmlu biex jindirizzaw il-problema. Bħal fil-bqija ta’ Malta, anke rigward il-Gozo Channel, il-Gvern qed juri li qed jitraskura u li mhux preparat biżżejjed biex jilqa’ għall-imxija ta’ COVID-19 li hu ovvju li qed terġa’ terfa’ rasha.

Finalment, huma qalu li l-poplu Malti u partikolarment il-ħaddiema tal-Gozo Channel u l-passiġġieri li josservaw il-miżuri ma jimmeritawx dan it-trattament mill-awtoritajiet. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jindirizza s-sitwazzjoni u jara li jkun hemm sistema adekwata sabiex tabilħaqq jiġu osservati l-miżuri kontra COVID-19 fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u fit-terminals, fl-aħjar interess tas-saħħa ta’ kulħadd.