Lokali Saħħa

“Irrid nagħżel bejn il-flus u saħħti” – anzjan li jbati bid-dijabete

Ħafna jafu kemm id-dijabete hi kundizzjoni perikoluża għal min ibati minnha jekk ma jieħux ħsiebha.

Anzjan ta’ 68 sena li kkuntattja lil din il-Kamra tal-Aħbarijiet qasam l-esperjenza tieghu ta’ dawn l-aħħar ġimgħat… meta ma kienx qed isib mediċina li tippreveni problemi li jistgħu jinħolqu bid-dijabete. U spjegalna kif ilu ġej u sejjer għand l-ispiżjar għal 3 ġimgħat sħaħ.

“Meta saqsejtu meta se jkollu, qalli ma nistax ngħidlek għax ilna ħafna neqsin minnha,” spjegalna l-anzjan.

Is-soluzzjoni tibqa’ waħda; jew li jixtri mediċina oħra minn butu jew jibqa’ mingħajr mediċina. Dan għaliex din il-mediċina hi parti mill-iskema tal-Gvern.

“Mediċini simili jistaw jinxtaraw privatament iżda trid tħallas għalihom u huma ftit għoljin fil-prezz,” kompla jgħid l-anzjan. “Mhux kulħadd jaffordja jixtrihom.”

Il-pilloli li hawn fis-suq jistghu jinxtraw… iżda huma ftit għola fil-prezz. U mhux kulħadd jaffordja jixtrihom. Bl-anzjan jispiċċa jkollu jagħżel bejn saħħtu u l-flus.

“Hemm żewġ trieqat,” qal l-anzjan. “Jew li ma nixtrihomx u nbati b’saħti, inkella mmur nixtrihom u nbati bil-but. Irrid nagħmel għażla.”

B’għafsa ta’ qalb, l-anzjan qalilna illi jekk din il-mediċina tibqa’ ma tingħatax mill-Gvern, saħħet dawk li jbatu mid-dijabete, kemm type 1 u anke type 2, se tibda sejra lura.

“Jekk dawn ma jittieħdux, it-tendenza hi li l-kundizzjoni tad-dijabete tmur lura,” qal l-anzjan. “Saħti tmur lura għax id-dijabete hi marda li taffetwalek partijiet minn ġismek, fosthom għajnejk u l-organi. Jekk ma nsibx irrid jew ma rridx ikolli nixtrihom.”

Dak li stqarr magħna dan l-anzjan ixejjen ukoll il-ħafna ftaħir min-naħa tal-Gvern dwar is-sitwazzjoni tal-mediċini out-of-stock.