Lokali Qorti

Iż-żgħażagħ mixlijin bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża


Leon Debono u Owen Schembri, t-tnejn ta’ 18-il sena, residenti Ħal-Kirkop mixlijin bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena ta’ 27 sena u l-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena, tqiegħdu taħt att ta’ akkuża. L-omiċidju seħħ nhar l-Erbgħa, 29 ta’ Lulju, 2020.

F’digriet mogħti mill-Maġistrat Nadine Lia hija ċaħdet it-talba tad-difiża taż-żewġ akkużati li qalu li ma hemmx biżżejjed provi biex iż-żgħażagħ jiġu mixlija prima face bil-qtil u l-attentat ta’ qtil.

L-Avukati ta’ Owen Schembri, Arthur Azzopardi u Alfred Abela kienu qegħdin jikkontendu li l-klijent tagħhom fl-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija, huwa dejjem qal li kien Leon Debono li spara u mhux hu, għalhekk huwa ma jistax jiġi mixli bil-qtil u l-attentat ta’ qtil.

Minn naħa tagħha d-difiża ta’ Leon Debono, immexxija mill-Avukat Giannella Demarco qalet li dak li qed tallega l-Pulizija huwa kollu ‘hearsay evidence’ u għalhekk mhemmx provi biżżejjed. Sa minn mindu tressqu l-Qorti Owen Schembri u Leon Debono dejjem kkontendew li huma nnoċenti.

Sadanittant il-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba ta’ Owen Schembri biex huwa jingħata l-libertà proviżorja minħabba fost oħrajn li dan l-istadju għadu wieħed bikri u għad baqa’ xhieda mporanti biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti.

Leon Debono ma għamel ebda talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kumpilazzjoni mistennija tkompli lejn l-aħħar ta’ Settembru wara li kienet rat il-bidu tagħha nhar l-Erbgħa li għaddew.

Saviour Gaffarena, ta’ 27 sena instab mejjet f’karozza fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Imqabba u kuġinuh Vince Gaffarena jinstab fil-karozza ferut b’tiri ta’ arma tan-nar f’wiċċu u sidru.

Kien għall-ħabta tal-11:15p.m li l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm xi persuni feruti fil-bypass tal-Imqabba. Il-Pulizija kienu ġew avviċinati minn persuna li kien qed isuq karozza tat-tip Renault Megan li beda jgħajjat li kienu sparawlu.

L-isparatura seħħet f’Ħal Millieri bejn Triq iż-Żurrieq u Triq l-Imqabba, iżda l-karozza bil-feruti nstaqet sa Triq il-Konvoj fl-Imqabba. Il-vittma sofra minn tir f’rasu b’kuġinuh jibqa’ ħaj.

Il-kumpilazzjoni bdiet nhar il-Ħamis li għadda fejn il-Pulizija kkonfermat li kien hemm xi persuni feruti fil-bypass tal-Imqabba. Xi uffiċjali tal-Pulizija kienu fil-post peress li dak il-ħin kien hemm wirja piroteknika.

Leon Debono qal fil-Qorti li kien jaħdem ta’ mastrudaxxa imma bħalissa jinsab bla xogħol. Owen Schembri qal li ma jaħdimx. Iż-żewġ żgħażagħ kienu arrestati f’Ħal Kirkop inqas minn tliet sigħat wara li seħħ il-każ.

L-investigazzjonijiet qeg]din jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett. Huwa mifhum li l-inċident seħħ fuq kwistjoni relatata ma’ traffikar ta’ droga.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra. Fil-jum li l-akkużati tressqu l-Qorti, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni filgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ. L-arma nstabet moħbija f’pala ta’bajtar f’għalqa f’Ħal Kirkop. L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino qed jidhru għan-nom tal-vittmi.