Lokali Qorti

Jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara ħsara fi propjetà f’Paceville

Żewġ irġiel Sirjani residenti s-Swatar ingħataw il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jerqsux lejn Paceville. Dan wara li s-Sibt 1 ta’ Awwissu għamlu ħsara fi propjetà, barra l-istabbiliment Havana li taqbeż il-valur ta’ €2,500 waqt li kienu taħt l-effett tal-alkoħol f’Paceville.

Bashar Sheick Ahmed Antar ta’ 19-il sena u Yusef Khalef Sheh Ahmed Halad ta’ 28 sena, li jaħdmu fil-qasam tal-konstruzzjoni wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest dment li ma jersqux lejn Paceville.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, tathom il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma joħorġux mid-dar bejn it-8.00pm u s-7.00am. Apparti dan, iridu jmorru jiffirmaw l-għassa ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa.

Iż-żewġt iriel intrabtu wkoll b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000. F’dan l-inċident tgaraw ukoll xi flixken tax-xorb u oġġetti oħra li kkawżaw il-ħsara msemmija.